Il-Partit Laburista għandu jiftakar minn fejn ġej u ma jinsa qatt il-valuri tiegħu u lil dawk li, xemx u xita, dejjem kienu hemm bi twemmin u konvinzjoni.
Dan qalu Dr Alex Sciberras, kontestant għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista f’intervista mal-MaltaToday, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd.
Dr Sciberras ilu attiv fil-Partit Laburista għal aktar minn għoxrin sena, fejn serva f’diversi karigi fi ħdan il-Partit u kien l-ewwel Sindku Laburista tal-Imsida fl-2006.
F’intervista estensiva hu spjega li l-messaġġ tad-delegati tal-Partit Laburista hu li għandhom jingħataw aktar spazju u vuċi biex iwasslu leħinhom.
Qal, “Dawn in-nies hemmhekk għadni nsibhom, fil-laqgħat li aħna jkollna, imma messaġġ wieħed, isimgħuna, agħtuna l-ispazju. Aħna nibqgħu l-qalb ta’ dan il-partit u allura nkunu rridu wkoll aħna l-vuċi ta’ dan il-partit.”
Hu wissa kontra li l-Partit jagħlaq il-bibien tiegħu għal dawk ta’ ħsibijiet progressivi u dawk moderati u li fuq kollox għandu jibqa’ partit ta’ djalogu.
Kompla billi stqarr li l-Partit Laburista għandu ħafna għalxiex ikun kburi u għalhekk m’għandux jaħrab mill-mistoqsijiet diffiċli u m’għandux jingħalaq fih innifsu.
Stqarr, “Jiġifieri aħna rridu nibqgħu partit ta’ djalogu, partit miftuħ, niffaċċjaw il-mistoqsijiet diffiċli fejn hemm bżonn u ma niddejqux. M’għandna xejn inqas minn ħaddieħor.”