Alexander Satariano ta’ Birkirkara u t-tim nazzjonali Malti, kien l-iktar plejer li spikka waqt is-serata tal-MFPA Awards wara li rebaħ xejn inqas minn tliet unuri. Satariano, li għandu 23 sena, sar l-ewwel plejer li rebaħ l-unuri tal-MFPA Men’s Best u Best Young Player u kien anke nominat fl-MFPA Men’s Best XI.
Fil-futbol tan-nisa, Shona Zammit rebħet l-unur tal-MFPA Women’s Best Player għat-tieni darba fil-karriera tagħha biex inkurunat staġun memorabbli li matulu hi għenet lil Swieqi United jirbħu l-ewwel kampjonat tan-nisa fl-istorja tal-klabb. Zammit, li għandha 28 sena, kienet magħżula wkoll fl-MFPA Best Women’s XI.
L-avveniment annwali tal-Malta Football Players Association, li sar fil-lukanda Radisson Blu Golden Sands it-Tnejn 12 ta’ Mejju, iċċelebra l-prestazzjonijiet u l-kisbiet tal-iktar plejers prominenti matul l-istaġun 2024-25.
Satariano kien rikonoxxut mill-plejers wara probabbilment l-aqwa staġun tal-karriera tiegħu. Il-captain ta’ Birkirkara FC għen lit-tim tiegħu jasal sal-finali tal-kampjonat Premier u s-semi-finali tal-FA Trophy li jintlagħbu l-Erbgħa. Huwa kiseb l-akbar numru ta’ voti bil-finalisti l-oħra għal dan l-unur ikunu Maxuell Maia ta’ Birkirkara u l-goalkeeper taċ-champions Ħamrun Spartans, Henry Bonello.
Fil-kategorija tan-nisa, Zammit kellha l-ikbar numru ta’ voti bil-finalisti l-oħra jkunu l-attakkanta ta’ San Ġwann, Hailey Russell, u Valeria Villegas Caly, ta’ Mġarr United. Nicole Sciberras, il-midfielder ta’ Hibernians u tat-tim nazzjonali Malti, rebħet l-unur tal-MFPA Women’s Best Young Player għat-tieni sena konsekuttiva biex b’hekk ingħaqdet ma’ Satariano bħala r-rebbieħa tal-unuri ta’ Best Young Player.
Total ta’ 36 premju ġew mogħtija waqt l-MFPA Awards 2025, bi 22 minnhom ikunu ppreżentati lill-plejers li ġew magħżula fl-MFPA Best XI kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.
Floriana huma t-tim bl-aktar rappreżentanti fl-MFPA Men’s Best XI għall-istaġun 2024-25, bi tliet plejers magħżula, segwiti minn Birkirkara u Marsaxlokk b’żewġ nominati kull wieħed.
Fl-MFPA Women’s Best XI, iċ-champions il-ġodda tan-nisa Swieqi United għandhom erba’ nominati, segwiti mir-rebbieħa tal-kompetizzjoni Knock-Out Mġarr United bi tlieta.
Fiċ-Challenge League, Brandon Paiber, il-captain ta’ Valletta li rebħu ċ-Challenge League b’mod konvinċenti, kiseb żewġ unuri wara li kien ivvutat bħala l-MFPA Best Overall Challenge League Player u Best Midfielder. Timothy Aquilina, il-goalkeeper ta’ Valletta, kien dikjarat rebbieħ tal-unur MFPA Best Challenge League Goalkeeper.
Iż-żewġ unuri l-oħra assoċjati maċ-Challenge League marru għand il-plejers ta’ Żurrieq, Darren Borg (MFPA Best Challenge League Defender) u Sulahmana Bah (MFPA Best Challenge League Forward).
Julian Azzopardi, il-goalkeeper ta’ Birżebbuġa St Peter’s, rebbieħa tal-Kampjonat National Amateur League 1, kien ippremjat għall-prestazzjonijiet tiegħu bl-unur tal-MFPA Best Amateur League 1 Player filwaqt li Rondinely Monteiro, attakkant ta’ Victoria Hotspurs li rebħu l-kampjonat Amateur League 2, kien ivvutat bhala Best National Amateur League 2 Player.
Dorianne Theuma, l-eks captain tat-tim nazzjonali li lagħbet 118 partita għal Malta, kienet ippremjata bl-MFPA Assikura Merit Award, it-tieni unur għaliha matul is-serata wara li rebħet l-unur tal-aqwa coach fil-futbol tan-nisa. Mark Barbara, Deputat Segretarju Ġenerali tal-MFPA, ippreżenta l-MFPA Assikura Merit Award lil Theuma.
Is-serata tal-MFPA Awards 2025 kienet ippreżentata minn Keane Cutajar u Amy Borg.
Ritratt – Domenic Aquilina / MFPA