F’kitba fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, id-Deputat Laburista Alex Muscat ċaħad allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu li saħaq li huma bla bażi u li għamel ċertu wieħed Adel Ali Hassan f’rikors fil-Qorti
Muscat qal kif jassistu lir-raġel hemm persuni magħrufa sew mal-establishment Nazzjonalista.
Id-Deputat Laburista spjega kif hija gidba meta Ali Hassan allega li l-permess ta’ residenza tiegħu ġie rrevokat f’Ottubru tal-2021, wara li Muscat innifsu talbu biex jgħinu fil-kampanja elettorali fiż-żmien li kien inservi bħala Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet.
Alex Muscat tenna kif l-Aġenzija Identità Malta saħansitra diġà kkonfermat pubblikament li fl-ebda mument l-aġenzija ma rrevokat permess ta’ residenza u saħansitra qalet li l-permess ta’ residenza temporanju ma ġiex imġedded mill-persuna kkonċernata nnifisha.
Huwa żieda jgħid li l-verità hija li Adel Ali Hassan kien ilu ħafna żmien jagħmel pressjoni biex jikseb iċ-ċittadinanza Maltija, meta kien jaf tajjeb li mhux intitolat għaliha.
Saħaq li meta huwa kelmu u fehmu, Ali Hassan heddu li għad irid ipattijilu.
Muscat temm jgħid li mhu se jħalli l-ebda allegazzjoni falza fil-konfront tiegħu tħammġu.