Hekk kif il-kampanja elettorali għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew qed toqrob lejn it-tmiem tagħha, il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew u Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba tella’ attivita’ li timmarka l-għeluq tal-kampanja elettorali tiegħu.
Matul din il-kampanja Agius Saliba kiseb il-fiduċja ta’ bosta esponenti tal-Partit Laburista fejn ilkoll tkellmu dwar it-‘track record’ tiegħu f’dawn l-aħħar ħames snin u kif hu għandu l-kredenzjali kollha biex imexxi ‘l quddiem l-aġenda tal-Partit Laburista fuq bażi Ewropea.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista sostna kif Alex huwa meqjus bħala tifel tal-Partit u ma nbidel qatt tant li baqa’ jħoss għaż-żgħir u għal batut u huwa għalhekk li dejjem mexxa ‘il quddiem l-ideali Soċjalisti. Huwa kompla jgħid li f’leġislatura waħda biss Alex Agius Saliba rnexxielu jagħmel affarijiet li MEPs minn madwar l-Ewropa kollha ħadu bosta leġislaturi biex jagħmlu.
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ukoll kellu kliem ta’ tifħir lejn l-ħidma tal-Ewro-Parlamentari Alex Agius Saliba. Huwa sostna kif Agius Saliba kien l-aqwa rappreżentant tal-Parlament Ewropew fl-aħħar 5 snin tant li ħaqqu jkun elett l-ewwel wieħed fl-Elezzjoni li ġejja fit-8 ta’ Ġunju.
Fost esponenti oħra li tkellmu kien hemm id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne li tenna kif Alex f’qasir żmien rnexxielu jrabbi kwalitajiet ta’ tmexxija kemm fuq bażi lokali, iżda anke fuq bażi Ewropea.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg ddeskriva lil Alex Agius Saliba bħala wieħed mill-aktar politiċi importanti tal-Parit Laburista u spjega kif fl-aħħar 5 snin huwa għamel unur lil pajjiżna tant li ħaqqu vot ta’ fiduċja b’saħħtu. Kompla miegħu wkoll il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri li sostna kif Alex huwa fost l-aqwa MEPs mill-Ewropa kollha.
Kienu wkoll bosta Ministri, Deputati u esponenti minn kull sfera tal-ħajja li fl-aħħar xhur ħarġu fl-apert sabiex jirringrazzjaw lill-Alex Agius Saliba tal-ħidma tiegħu u rrakkamondawh biex flimkien mal-bqija tal-kandidati kollha tal-Partit Laburista jibqgħu jaħdmu għall-Malta b’saħħitha fl-Unjoni Ewropea.
L-MEP Laburista Alex Agius Saliba rringrazzja lil kull min laqgħqu f’daru u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha li wrewh l-appoġġ tagħhom f’attivitajiet li tella bħal m’huma fil-Pjazza m’Alex u Kelmtejn m’Alex. Huwa sostna li se jibqa’ jkun vuċi soda Għalik u Għal Malta Aktar minn Qatt Qabel.