L-għada tal-grupp parlamentari Nazzjonalista jaħraq, fejn fih id-deputat Alex Borg bela’ lsienu, issa ħareġ bi sfida ċara lejn id-deputat tal-establishment Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami.
Dan hekk kif id-deputat Nazzjonalista Għawdxi mar jiltaqa’ ma’ partitarji mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, fit-tmien distrett. Distrett meqjus bħala tal-familja ta’ Fenech Adami.
Borg iltaqa’ mal-partitarji mit-tmien distrett, wara li nhar il-Ħadd li għadda, ħaten Beppe Fenech Adami u l-esponent tal-għaqda Repubblika, Kevin Cassar ħareġ qatta’ bla ħabel kontra d-deputat Alex Borg.

Dan billi sejjaħlu Żiemel ta’ Trojja u dan simili kif l-establishment Nazzjonalista kien għajjar lil Adrian Delia, ftit qabel ma qaċċtuh minn Kap.
Ftit tal-jiem ilu, ONE News żvela li ħu Beppe, Michael Fenech Adami, nhar il-Ħadd stess beda jiċċirkola u jippromwovi l-artiklu lil numru ta’ tesserati Nazzjonalisti permezz ta’ WhatsApp.
Ta’ Fenech Adami nxteħtu b’ruħhom u ġisimhom wara l-kandidat ġdid Nazzjonalista Għawdxi Beppe Galea, rivali ta’ Alex Borg, fuq it-Tlettax-il Distrett. Dan kif anke jixhdu posts fuq Facebook li xerred fl-aħħar żmien l-istess Fenech Adami.
B’Galea hu viċin ħafna tal-familja ta’ Bernard Grech u kemm Grech kif ukoll il-Kap de facto Karol Aquilina u issa anke ta’ Fenech Adami qed jimbottaw b’saħħa l-kandidatura tiegħu bit-tama li jħarbtu għal kollox lil Borg fuq Għawdex.
Hu fatt magħruf li Galea jaħdem ukoll fl-uffiċċju ta’ David Casa, wieħed mill-perċimes tal-fazzjoni estremista, li qed tmexxi lil Bernard Grech minn imnieħru. F’dan l-uffiċċju jaħdem ukoll Michael Fenech Adami.