Id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg inqabad u inkixef waħdu meta suppost qal li għandu “leak” mid-diskors tal-Prim Ministru dalgħodu f’Għawdex fejn kien se jsemmi l-eks Ministru Laburista Justyne Caruana.
Imma x-xitan ma għandux ħalib kif jgħidu u Alex Borg ippubblika status imma nesa jitfi l-location fejn kien, tant li kien fejn l-Imġarr Hotel, il-post fejn saret l-attività tal-Partit Laburista, l-istess attività li attendiet għaliha Caruana, li ntlaqgħet minn dawk preżenti.
Alex Borg ta din l-informazzjoni lill-midja Nazzjonalista biex taparsi jgħidu li żvelaw xi ħaġa meta fil-fatt bl-istatus li ppubblika hu stess, Alex Borg inqabad li ġie fuq il-post tal-attività tal-Partit Laburista.
Din tal-location hija t-tieni gaffe tal-Partit Nazzjonalista fl-istess ġimgħa meta ftit tal-jiem ilu s-suppost midja indipendenti Side Street inkixfet li qed taħdem bl-operat tagħha mid-Dar Ċentrali.
Ma’ Side Street hemm il-Viċi Sindku Nazzjonalista Jordan Galea Pace u l-Kunsilliera Nazzjonalista tal-Mosta Micheala Bayliss.
Intant id-Deputat Għawdxi Alex Borg, meqjus bħala Mr facebook, ilu jaspira li jieħu post Bernard Grech.
Borg, meqjus bħala l-filjozz ta’ Adrian Delia tgħidx kemm jitkellem fil-beraħ ma’ nies fiċ-ċrieki tal-partit li lest jieħodha kontra l-Kap u jisfidah.
Dan għamlu anki fl-aħħar xhur f’mumenti insensittivi għall-Partit Nazzjonalista.