Il-gazzetta KullĦadd irrapportat li fl-aħħar ġimgħat, id-Deputat Għawdxi Alex Borg kien qed jagħmel pressjoni biex idaħħal lil ħuh, David Borg, fl-MŻPN.
Dan ifisser li issa fl-għaqda hemm tliet rappreżentanti Għawdxin, bi tnejn ta’ Alex Borg u tal-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia, u ieħor ta’ Chris Said, jiġifieri tal-fazzjoni opposta tal-establishment Nazzjonalista.
F’Mejju tas-sena l-oħra, l-istess gazzetta kienet żvelat kif, għall-ewwel darba, l-MŻPN kien se jkollha żewġ rappreżentanti għal Għawdex, minflok wieħed, kif kien stabbilit dejjem sa dakinhar.
Dawn kienu Thomas Mizzi, li jieħu ħsieb il-midja soċjali ta’ Alex Borg, u Kevin Curmi, li jiġi n-neputi ta’ Said u t-tifel tas-Supretendent tal-Pulizija Maurice Curmi, li għadu kemm ġie sospiż mill-Korp wara li ttestja fil-pożittiv għall-kokaina.
Dan kien sar wara li l-magħżul ta’ Borg kien ġie elett fl-MŻPN bħala r-rappreżentant Għawdxi, iżda, wara li Said immolla, spiċċat għaddiet tiegħu mad-Dar Ċentrali u r-rappreżentanti Għawdxin fil-fergħa taż-żgħażagħ żdiedu biex jippruvaw jevitaw il-paroli.
Biż-żieda ta’ ħu Borg fl-MŻPN, ifisser li issa hemm tliet membri ġejjin minn Għawdex, b’ta’ Borg u Delia jgawdu l-maġġoranza.
Is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li Borg għamel din il-mossa biex juri li għandu l-akbar saħħa fil-gżira Għawdxija, bħalma ġara fl-elezzjoni ġenerali meta bil-voti li ġab qabeż sew lil “tal-Ganga”, il-laqam tal-familja ta’ Chris Said f’Għawdex.
Intqal li Borg għamel pressjoni fuq l-eżekuttiv tal-MPŻN. Iżda kontra tali manuvri kien hemm in-neputi ta’ Said, Kevin Curmi, li s-sena d-dieħla se jkun qed jikkontesta mal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fin-Nadur.
Sorsi mid-Dar Ċentrali kkonfermaw mal-gazzetta li, minbarra li fl-aħħar sena fl-MŻPN Thomas Mizzi u Kevin Curmi qatt ma raw għajn m’għajn, l-istess jista’ jingħad bejn Curmi u David Borg issa, tant kemm hi kbira l-qasma li hemm bejn iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista.