Fil-Partit Nazzjonalista għadu ma ngħalaqx id-dibattitu jaħraq dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF.
L-emendi li ġew approvati mill-Parlament kienu ġew imwiegħda mill-Partit Laburista fil-kampanja elettorali u issa se jagħtu ċans lill-iktar nies li jsiru ġenituri.
Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg attenda laqgħa organizzata mill-eks deputat Edwin Vassallo; laqgħa li ġiet deskritta bħala reazzjoni għall-vot fil-Parlament.
Fid-diskors tiegħu, Borg kien ċar li bil-vot tiegħu hu mexa mal-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista.
Żied jgħid li anke l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jiddikjarahom u huwa min ma vvotax hekk li ma mexiex mal-istatut.
Qal, “Fl-aħħar mill-aħħar ma vvotajtx kontra l-partit, anzi vvotajt favur il-partit.”
Hu kompla billi qal, “Aħna b’din il-liġi qed niksru l-liġi tal-embrijuni, il-liġi tal-Kostituzzjoni, l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, u għalhekk qed niksru l-prinċipji li jħaddnu s-soċjetà tagħna.”
Din il-laqgħa hi waħda minn sensiela ta’ laqgħat organizzati biex jonoraw it-tliet deputati tal-Partit Nazzjonalista li vvotaw għal rashom, wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech irrifjuta li jagħtihom il-free vote li talbuh.
Qal, “Għamilna l-ewwel waħda l-Mosta biex nonoraw lil Ivan Bartolo, li kien wieħed minn dawk li għamel objection. It-tieni waħda hawn, Victoria, biex nonoraw lil Alex, u t-tielet waħda Birkirkara biex nonoraw lil Delia.”
Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg irringrazzja lil Edwin Vassallo u lil sħabu talli qed jorganizzaw dawn il-laqgħat.
Qal, “Nirringrazzja lil Edwin li qed jgħaddi dawn il-messaġġi. Nirringrazzja lilkom.”
Saħansitra f’din il-laqgħa ssemmiet ukoll l-idea li jibdew jinġabru l-firem biex isir referendum, biex il-liġi tal-IVF li għadda l-Gvern titħassar.
Fil-laqgħa intervjena l-Isqof ta’ Għawdex, Anton Theuma, filwaqt li Edwin Vassallo għamel l-itwal diskors.
Qal, “Libertà mhedda kienet meta tliet deputati xtaqu li jingħataw il-free vote u ma ngħatatx.”
Min naħa tiegħu, b’reazzjoni, id-Deputat Alex Borg qal li l-vot tiegħu jindika li hu politiku ta’ sinsla.
Qal, “Jien għażilt li nimxi fuq il-kuxjenza tiegħi biex nuri li hawn politiċi ta’ sinsla.”
Kreditu tal-filmati: PM News Malta