Id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg mar kontra l-kelma tiegħu stess hekk kif it-Tnejn waranofsinhar ħareġ mill-Parlament wara li, skontu, kien wera s-solidarjetà tiegħu mal-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
Fil-ġranet li għaddew kien irrapportat mill-midja indipendenti kif Alex Borg kien wieħed minn dawk id-deputati li ħarġu kontra l-Kap de facto tal-Partit Nazzjonalista, Karol Aquilina.
Però meta ġie mistoqsi minn ġurnalist ta’ dan l-istazzjon dwar dan kollu, Borg kien skomdu jwieġeb.
Ġurnalist: “Onorevoli Borg, inti ddikjarajt li wrejt solidarjetà mal-Ispeaker, imma ħriġt mill-Parlament.”
Alex Borg: “Għax konna ċari hux.”
Alex Borg, Deputat tal-PN
Fil-fatt, fil-ġranet li għaddew, waqt li kien qed jiġi intervistat fil-podcast ta’ Ricky Caruana, Borg irrakkonta kif kellu telefonata privata mal-Ispeaker tal-Kamra u hawn wera s-solidarjetà sħiħa tiegħu lilu.
“Ċempilt lil Anġlu u skużajt ruħi, għedtlu skużani li forsi fil-Parlament iż-żewġ naħat aġixxejna b’dan il-mod u dak il-ħin infaqa’ jibki, għax ħassu mweġġa’ wkoll.”
Alex Borg, Deputat tal-PN
Iżda meta kien iffaċċjat bi kliemu stess, waqt li t-Tnejn kien ħiereġ mill-Parlament bi protesta u, allura, abdika milli juri s-solidarjetà mal-Ispeaker bil-vot tiegħu fil-mument tal-prova, Borg weġibna hekk.
Ġurnalist: “Allura s-solidarjetà bil-kliem biss mhux bil-fatti?”
Alex Borg: “Is-solidarjetà wrejtha mal-Ispeaker diġà u għedtha pubblikament.”
Ġurnalist: “Allura għax ma tivvotax?”
Alex Borg: “Jekk hi mozzjoni anti-demokratika.”
Alex Borg, Deputat tal-PN
Fid-dawl tal-iskumdità evidenti fuqu, staqsejnieh jekk allura riedx jivvota favur il-mozzjoni u b’hekk imur kontra Karol Aquilina.
Ġurnalist: “Ma ridtx tivvota favur Karol Aquilina?”
Alex Borg: “Inti għandek il-Gvern li qatt ma jista’ jgħaddi mozzjoni kontra l-Oppożizzjoni.”
Alex Borg, Deputat tal-PN