Id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg bela’ lsienu, sigħat wara li tella’ filmat iċċekken lil Bernard Grech. Is-sorsi tagħna li tawna dettalji sew mil-laqgħa taħraq fil-Grupp qalulna li wara li qala’ ċamata waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista mill-fazzjoni estremista, id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg kellu jgħid li hu se jkompli jappoġġja l-Kap Bernard Grech.
Dawk li jiddettaw x’jgħid u jagħmel Bernard Grech qalu lil Alex Borg li għandu jiġbor kliemu u jappoġġja lil Kap f’mument fejn faqqa’ ġlied ġdid fil-Partit Nazzjonalista. Il-laqgħa tal-Grupp kienet taħraq u ħraxet sew fl-aħħar hekk kif il-ġlied fuq dak li kiteb ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar, eks kandidat Nazzjonalista, kien diskuss fl-aħħar. Is-sorsi tagħna qalulna li kienet fuq l-insistenza ta’ Bernard Grech li din il-materja tħalliet għall-aħħar bit-tama li jkun hemm min jaqta’ qalbu u jitlaq u l-materja tipprova tmut fuq ruħ ommha.
Alex Borg ħareġ l-għadab tiegħu għall-fatt li n-nies ta’ Fenech Adami, b’mod ewlieni Michael Fenech Adami, ħu d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, beda jxerred l-attakk ta’ Kevin Cassar li qal li Alex Borg huwa żiemel tat-trojja.
Alex Borg hu ħaġa waħda mal-eks Kap Adrian Delia u ilhom isiru manuvri interni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u hu sigriet magħruf li Borg huwa ambizzjuż ħafna. B’Delia kien indispost għal-laqgħa, Borg imbagħad kellu jċedi għall-pressjoni u pubblikament juri l-lealtà tiegħu lejn Bernard Grech wara li wissewh dak li jiddettaw dak kollu li jseħħ fil-Partit Nazzjonalista.