L-European Table Tennis Union (ETTU) se tkun qed tonora lill-plejer veteran Alex Anastasi bil-midalja tal-unur waqt il-laqgħa ġenerali annwali li se ssir fil-belt Awstrijaka ta’ Linz.
L-ETTU talbet għan-nominazzjonijiet minn kull pajjiż u Anastasi ġie magħżul bħala l-kandidat ideali.
Il-president tal-Malta Table Tennis Association John Sciberras ħabbar li Anastasi se jirċievi dan l-unur prestiġġjuż flimkien ma’ atleti oħra barranin li ddistingwew ruħhom għal snin twal f’dan l-isport.
Anastasi mhux wiċċ ġdid għat-table tennis lokali u internazzjonali hekk kif okkupa l-kariga ta’ plejer, kowċ, uffiċjal u saħansitra president tal-assoċjazzjoni.
Hu rrappreżenta wkoll lil Malta f’diversi kompetizzjonijiet kemm b’mod individwali kif ukoll bħala tim mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll fl-Afrika ta’ Fuq, iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Malasja u l-Awstralja.
Anastasi dejjem ta s-sapport tiegħu lil dan l-isport u għadu jagħti kontribut validu sabiex aktar żgħażagħ jitrawmu fit-table tennis.