Il-MPE Laburista Alex Agius Saliba nieda u se jkun qed imexxi bħala President il-Grupp ta’ Azzjoni Politika tal-Membri Parlamentari Ewropej għall-Użu Mediku ta’ Psikedeliċi fil-Parlament Ewropew.
L-Unjoni Ewropea teħtieġ b’mod urġenti aktar innovazzjoni fil-qasam tad-disturbi tas-saħħa tal-moħħ. Terapiji psikedeliċi jirrappreżentaw approċċ promettenti u innovattiv fit-trattament tal-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali jew ta’ disturbi fl-użu tas-sustanzi u huma appoġġati minn riċerka rigoruża u xjentifika.
Terapiji psikedeliċi juru possibilta’ tajba ta’ suċċess f’diversi kundizzjonijiet newroloġiċi, bħall-migraini, l-uġigħ kroniku, u l-korrimenti trawmatiċi fil-moħħ. B’mod importanti, diversi provi juru l-utilità tagħhom biex itaffu l-ansjetà ta’ tmiem il-ħajja f’pazjenti b’kura palljativa, bħal dawk b’dijanjożi tal-kanċer terminali. Madankollu, dawn it-terapiji jeħtieġu politiki u infrastruttura maħsuba u kkoordinati biex jiġi żgurat użu sikur, ekwu u effettiv.
“Ninsab inkoraġġut mill-progress xjentifiku reċenti dwar l-użu tal-komposti tal-psikedeliċi fit-trattament tal-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali, li flimkien ma’ appoġġ psikosoċjali xieraq, għandhom il-potenzjal li jipprovdu titjib kliniku sikur, rapidu u robust b’effetti dejjiema. Il-grupp ta’ Azzjoni Politika tal-Membri Parlamentari Ewropej għandu l-għan li javvanza din l-aġenda billi jmexxi d-diskussjonijiet istituzzjonali dwar l-applikazzjoni terapewtika tal-psikedeliċi. Il-grupp ta’ azzjoni politika bejn il-partiti se jippromwovi l-iżvilupp ta’ politiki u regolamenti sodi tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk iwitti t-triq għal aċċess ekwu għal trattamenti ġodda ta’ psikedeliċi affordabbli u sikuri fl-Unjoni Ewropea” qal il-MPE Agius Saliba.
Agius Saliba spjega wkoll kif huwa mistenni li fis-snin li ġejjin, ir-regolaturi tal-Unjoni Ewropea se japprovaw terapiji psikedeliċi ġodda, li se jipprovdu għażla terapewtika addizzjonali għal miljuni ta’ Ewropej li jeħtieġu trattamenti aħjar. Bi tħejjija għall-introduzzjoni ta’ dawn it-terapiji, il-MPE rappreżentati jeħtieġ li jiżviluppaw l-għarfien espert u l-infrastruttura meħtieġa. Dan jippreżenta opportunità sinifikanti għall-Parlament Ewropew biex isawwar b’mod attiv il-kors ta’ azzjoni f’dan il-qasam.
Bħala konklużjoni, il-MPE Alex Agius Saliba qal li bl-għarfien xjentifiku u l-appoġġ mill-PAREA u mill-PsyhedelicsEurope, il-Grupp għandu l-għan li jibni protokolli u linji gwida robusti bbażati fuq l-evidenza għal terapiji psikedeliċi. Huwa żied jgħid li permezz ta’ rakkomandazzjonijiet politiċi proattivi u sħubijiet strateġiċi, huwa kommess biex flimkien mal-kollegi fil-Parlament Ewropew ikompli jistinka biex il-kura tas-saħħa mentali tkun trasformata u tiġi mogħtija tama u għajnuna għal miljuni ta’ ċittadini Ewropej.