Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba ħabbar li nhar il-Ġimgħa li ġej se jkun qed jitfa’ n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.
F’kitba fuq il-midja soċjali, fejn fakkar li, sa mill-età ta’ ħmistax-il sena, tela’ tarġa wara oħra fl-istrutturi tal-Partit Laburista, Agius Saliba sostna li, f’dawn is-snin, ħadem fost l-attivisti, id-delegati u t-tesserati, bla ebda interess personali jew pretensjonijiet, bil-għan li jara lill-Partit Laburista jibqa’ l-akbar forza politika fil-pajjiż.
Kompla li, għalhekk, illum jiġi quddiem l-attivisti b’aktar imħabba, xogħol u dedikazzjoni biex dan il-Partit, li tant inħobbu, ikompli jissaħħaħ. Bil-għan li tliet snin oħra jkun Partit organizzat, mimli ħeġġa u voluntieri, ħalli flimkien inkomplu nwettqu l-ġid favur pajjiżna.
Fl-istess kitba, Agius Saliba rringrazzja lil Daniel Micallef tax-xogħol importanti li għamel f’din il-kariga sal-lum.
Tenna li, kif dejjem għamel, hu se jkompli jagħti l-ħin u l-enerġija tiegħu kollha biex jagħti dak kollu li jista’ biex jinbidel fejn hemm bżonn, jissaħħaħ il-ħafna tajjeb li twettaq flimkien, jinfetħu l-bibien tal-Partit beraħ għal dawk kollha li jixtiequ jikkontribwixxu u biex, b’lealtà, ikun ta’ spalla għall-Prim Ministru u l-amministrazzjoni Laburista.
“Persważ li, flimkien, nistgħu nkomplu nagħmlu mill-Partit Laburista, Partit rebbieħ”, temm jgħid l-Ewroparlamentari.