Mit-23 sas-27 ta’ Mejju, delegazzjoni mill-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi tal-Parlament Ewropew se żżur il-kwartieri ġenerali ta’ diversi kumpaniji f’Silicon Valley fl-Istati Uniti.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba ġie nnominat mill-grupp politiku tiegħu tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, bħala wieħed minn tmien Membri Parlamentari Ewropej biex jifforma parti minn din id-Delegazzjoni.
Il-vjaġġ se jiġi kkoordinat mill-Kumitat għas-Suq Intern tal-Parlament Ewropew u l-għan tiegħu huwa li jeżamina l-aħħar żviluppi tas-suq diġitali fl-Istati Uniti u fl-Unjoni Ewropea.
Bħala parti mid-delegazzjoni, Agius Saliba se jkollu l-opportunità jiddiskuti mal-ġganti tat-teknoloġija fl-Istati Uniti, bħal Google, META u Apple bi żjara fil-kwartieri ġenerali ta’ Meta u Google, kif ukoll żjarat u laqgħat ma’ Airbnb, eBay, PayPal, HP, Cloudflare, u Electronic Frontier Foundation.
Il-MPE Alex Agius Saliba qal li huwa importanti li d-delegazzjoni tiddiskuti personalment u tisma’ l-pożizzjonijiet tal-kumpaniji Amerikani, in-negozji ġodda, u kif ukoll l-akkademja u l-uffiċjali tal-gvern, dwar il-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali, u kif ukoll leġiżlazzjoni diġitali oħra li qed titħejja.