Alex Agius Saliba ospita b’mod konġunt diskussjoni dwar it-tnedija mill-ġdid ta’ grupp fil-Parlament Ewropew iffukat fuq il-mard rewmatiku u muskoloskeletali.
Waqt id-diskussjoni d-Deputat Mexxej u MPE Laburista enfasizza fuq il-ħtieġa urġenti li nilqgħu għall-isfidi li qed jiġu ffaċjati f’dan il-qasam. “Kemm f’Malta kif ukoll f’kull Stat Membru ieħor għandna nuqqas ta’ professjonisti speċjalizzati fir-Rewmatoloġija f’Malta. Jeħtieġ li ntejbu t-trattamenti u l-mediċini aċċessibbli għal dawn il-pazjenti. Jeħtieġ li niġġieldu kontra d-diskriminazzjoni li dawn il-pazjenti qed isofru fuq il-post tax-xogħol tagħhom minħabba diżabilità moħbija.”
L-MPE Laburista kiseb is-sostenn ta’ MPE minn kampi politiċi diversi u ħeġġiġhom sabiex jappoġjaw il-pjan ta’ ħidma tiegħu msejjes madwar tliet punti saljenti; iżjed investiment fir-riċerka, strateġija ta’ kura tas-saħħa komprensiva u aktar edukazzjoni u għarfien dwar dan is-suġġett.
Il-mard rewmatiku u muskoloskeletali huma kundizzjonijiet kroniċi kkważati minn prattiċi ħżiena fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll fatturi oħra bħal infjammazzjoni. Dan il-mard ħafna drabi jinħass f’forma ta’ uġiegħ fid-dahar jew l-għonq, jew b’korrimenti ripetittivi. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiddeterjoraw biż-żmien u jistgħu jeħtieġu kura farmakoloġika jew terapiji oħra. Dewmien fid-dijanjosi u l-kura jwassal għal dannu permanenti fil-ġonot, tessuti u fl-organi, u għalhekk iwassal għal diżabilità permanenti u kwalità tal-ħajja inferjuri. Dan il-mard iżid ukoll l-inċidenza ta’ kundizzjonijiet mediċi oħra li m’humiex apparentament relatati. Pazjenti ta’ mard rewmatiku u muskoloskeletali huma 63% iżjed propensi li jsofru minn attakk tal-qalb u 25% iżjed propensi li jsofru minn kankru fil-pulmun.
Bosta drabi dan il-mard jista jiġi evitat permezz ta’ bidliet żgħar fuq il-post tax-xogħol, per eżempju billi jiġi żgurat li l-ħaddiema jagħmlu xogħol varjat u jevitaw milli jwettqu xogħol li joħloq stress esaġerat fuq l-istess parti tal-ġisem. Siġġijiet aħjar, footrests u back supports huma eżempji ta’ titjib li jista jnaqqas ir-riskju tal- mard rewmatiku u muskoloskeletali. Eżerċizzju regolari u dieta bilanċjata ukoll inaqqsu r-riskju ta’ mard ta’ din ix-xorta.
In-nefqa sabiex nipprevjenu u njetbu d-dijanjosi tal-mard rewmatiku u muskoloskeletali hija nsinjifikanti meta mqabbla mal-piż ekonomiku u soċjali li tħalli. Kien proprju fuq dan l-aspett li tkellem l-MPE Agius Saliba fl-intervent tiegħu waqt l-attivita sabiex jerġa jiġi mniedi l-Grupp ta’ Nteress fil-Parlament Ewropew. “Bħala MPE, għandna l-obbligu li nirrikonoxxu li l-kriżi dejjem tikber tal-mard rewmatiku u muskoloskeletali ma hijiex biss problema ta’ saħħa pubblika iżda wkoll piż ekonomiku.
L-effetti konsegwenzjali ta’ dan il-mard jolqot il-postijiet tax-xogħol u l-komunitajiet tagħna, u għalhekk ikun ta’ theddida għat-tessut ekonomiku u soċjali tas-soċjetà. Irridu nagħtu iżjed prijorità lir-riċerka dwar il-kawżi, l-prevenzjoni u t-trattament tal-mard rewmatiku u muskoloskeletali. Irridu niżviluppaw strateġiji li jiżguraw li s-sistemi tas-saħħa jkunu mgħammra sabiex jindirizzaw dan it-tip ta’ mard b’mod iżjed effettiv u rridu nedukaw ukoll liċ-ċittadini tagħna dwar il-prevenzjoni u s-sintomi ta’ dan il-mard u dwar it-tipi ta’ trattamenti disponibbli.”