Bħala Ko-President tal-Kumitat Politiku fl-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u l-Paċifiku, l-Ewro-Parlamentari Alex Agius Saliba mexxa numru ta’ laqgħat importanti f’Maputo ġewwa l-Mozambique waqt it-42 Sessjoni tal-Parlament Konġunt AKP-UE.
Fost l-inizjattivi li mexxa ‘l quddiem l-Ewro-Parlamentari Agius Saliba huwa ppreżenta reżoluzzjoni dwar it-tisħiħ tal-liġi internazzjonali fl-ibħra tal-Mediterran fejn saret referenza partikolari għal bżonn ta’ rispett tal-liġi internazzjonali fl-ibħra tagħna sabiex is-sajjieda Maltin u Għawdxin jingħataw protezzjoni sħiħa fl-ibħra internazzjonali.
Il-MPE Agius Saliba qal ukoll li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tkompli tgħin finanzjarjament lil dawn il-pajjiżi speċjalment f’sitwazzjoni fejn l-emerġenza klimatika qed tħalli ħerba f’dawn ir-reġjuni. Huwa saħaq li jekk dawn il-pajjiżi ser jitħallew weħidhom, l-Unjoni Ewropea ser tibda taffaċċja sitwazzjoni akbar ta’ migrazzjoni rregolari fil-pajjiżi Ewropej, inkluż f’Malta.
“Ma jistax ikun li l-Unjoni Ewropea tkompli tkaxkar saqajha biex tilħaq qbil fil-Kunsill għal ftehim ġdid ma’ dan ir-reġjun. Diġa’ ninsabu sentejn tard u l-ispazju diplomatiku li l-Unjoni Ewropea kienet tokkupa f’dan ir-reġjun illum qed jintela minn pajjiżi oħra, fosthom iċ-Ċina u r-Russja. Jekk l-Unjoni Ewropea trid tibqa’ relevanti f’dan ir-reġjun hemm bżonn li tagħlaq il-ftehim Post-Kotonu mill-aktar fis possibbli,” temm jgħid il-MPE Malti Alex Agius Saliba.