Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba vvota kontra l-abbozz ta’ liġi, magħruf bħala l-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon. Dan l-abbozz ta’ liġi huwa parti minn sforz akbar biex id-difiża ssir parti ewlenija mill-istrateġija industrijali tal-Unjoni Ewropea.
Il-proposta tal-Kummissjoni attrattat ħafna kritika minħabba li tirrappreżenta bidla fl-użu tar-riżorsi lil hinn minn proġetti ekoloġiċi u diġitali, fejn il-flus mill-irkupru, il-koeżjoni u l-fondi soċjali se jiġu trasferiti biex jintużaw għall-produzzjoni ta’ munizzjon u missile minflok.
“Huwa totalment inaċċettabbli li matul żmien ta’ rati ta’ inflazzjoni għoljin li qed jitfgħu pressjonijiet soċjali u ekonomiċi estremi fuq iċ-ċittadini tagħna, il-Parlament Ewropew ivvota favur id-devjazzjoni tal-Fondi tal-Unjoni Ewropea li huma maħsuba għal proġetti soċjali u ta’ koeżjoni, biex minflok jintużaw għall-produzzjoni tal-munizzjon. Minflok m’hu qed issir pressjoni għall-paċi u d-djalogu fl-invażjoni Russa tal-Ukrajna, il-Parlament Ewropew qed jivvota favur armi aktar letali li ser itawlu l-gwerra u t-traġedja umana fl-Ukrajna, u jtawlu wkoll it-traġedja ekonomika li qed tiffaċċja l-Unjoni.” enfasizza l-MPE Agius Saliba.
Il-leġiżlazzjoni proposta hija parti minn pjan akbar biex l-Ukrajna tiġi pprovduta b’miljun biċċa munizzjon fi 12-il xahar u għandha l-għan li tipprovdi EUR 500 miljun mill-baġit tal-Unjoni Ewropea biex tingħata spinta lill-akkwist konġunt tal-armi flimkien ma’ EUR 260 miljun oħra ta’ fondi eżistenti tal-Unjoni għad-difiża u għall-produzzjoni tal-munizzjon.
Il-MPE Alex Agius Saliba kkummenta li l-proposta hija pass ieħor lejn l-użu tal-baġit tal-Unjoni għal skopijiet ta’ difiża u tiftaħ il-possibbiltà li l-istati jużaw il-Fondi ta’ Koeżjoni jew il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jikkomplementaw il-fondi tal-munizzjon. Huwa spjega wkoll li għandu tħassib serju dwar xi wħud mid-dispożizzjonijiet proposti, li jinkludu l-possibbiltà li l-Istati Membri nfushom jew inkellajinkoraġġixxu lill-kumpaniji fis-settur tad-difiża, jużaw id-derogi previsti fid-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol sabiex jippermettu l-espansjoni tax-xiftijiet tax-xogħol.
“Il-produzzjoni rapida tal-munizzjon qatt ma tista’ ssir għad-detriment tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, u lanqas ma tista’ tiġi bi kwalunkwe prezz għas-soċjetà permezz tar-ridirezzjoni tal-fondi inizjalment maħsuba għall-koeżjoni jew għat-tranżizzjoni ekoloġika, mingħajr kundizzjonalitajiet soċjali marbuta mal-użu tal-fondi pubbliċi.” ikkonkluda l-MPE Alex Agius Saliba.