F’laqgħa li kellu fil-Parlament Ewropew, l-MPE Agius Saliba talab lill-Presidenza tal-Kunsill Finlandiża biex taħdem bis-sħiħ fuq il-Garanzija Ewropea għat-Tfal sabiex tfal li qegħdin jgħixu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali jiġu protetti.
Kważi 25 miljun tifel u tifla taħt l-età ta’ 18–il sena jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali fl-Ewropa, u miljuni ta’ tfal ma jaffordjawx drittijiet bażiċi, bħalma huma l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, childcare, u nutrizzjoni xierqa.
“Sfortunatament, il-faqar iwassal għal aktar faqar. Huwa ċiklu vizzjuż, fejn it-tfal li jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena huma fil-periklu li jsiru adulti u ġenituri li jgħixu fl-istess ambjent u t-tfal tagħhom huma aktar probabbli li jirrepetu ċ-ċiklu, “qal Agius Saliba.
Agius Saliba qal li l-Unjoni Ewropea għandha l-poter li tbiddel din is-sitwazzjoni u ttejjeb il-ħajja ta’ miljuni ta’ tfal fl-Ewropa, iżda biex isir dan, hemm bżonn tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal sabiex niżguraw li kull tifel u tifla f’riskju ta’ faqar fl-Ewropa jkollu aċċess għad-drittijiet bażiċi.
“Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal hija inizjattiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u għandha l-għan li tipprovdi lit-tfal fil-faqar aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida mpenjat ruħha wkoll li twettaq din l-inizjattiva. Imma issa għandna bżonn rieda politika min-naħat kollha jekk irridu nassiguraw futur aħjar għat-tfal tagħna fl-Ewropa” kkonkluda Agius Saliba.