L-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista qabel b’mod unanimu li l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba għandu jkun għal darb’oħra kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li se ssir fit-8 ta’ Ġunju li ġej.
Fi stqarrija mill-Partit Laburista ntqal li s-sena l-oħra, Agius Saliba ġie elett bħala Viċi President tal-grupp Parlamentari Ewropew tas-Soċjalisti u Demokratiċi, li huwa ffurmat minn partiti xellugin. Huwa jservi wkoll fuq diversi kumitati fi ħdan il-Parlament Ewropew u ġie fdat ir-rwol ta’ negozjatur ewlieni f’diversi materji sensittivi diskussi fil-Parlament Ewropew.
L-MPE Laburista ġie nnominat għall-premju tal-aqwa MPE għal dawn l-aħħar tliet snin u ġie vvutat fil-35 post fil-lista tal-MPE l-iżjed influwenti.
Agius Saliba kellu rwol determinanti f’bosta deċiżjonijiet importanti mittieħda mill-Parlament Ewropew matul din il-leġislatura. Huwa magħruf prinċiparjament għall-kampanja li mexxa li wasslet sabiex ġie adottat charger wieħed uniformi għat-tagħmir diġitali kollu imma kien ukoll strumentali f’deċiżjonijiet siewja oħra bħal ma huma l-liġi li tagħti jedd lill-ħaddiema sabiex ma jiġux imfittxa mill-imgħallem wara t-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol, l-hekk imsejħa “right to disconnect”.
Agius Saliba osserva li permezz ta’ din id-deċiżjoni se jkun jista jkompli bil-ħidma tiegħu fil-leġislatura preżenti. “Nifraħ bid-deċiżjoni tal-Eżekuttiv Nazzjonali għaliex se nkun nista nkompli naħdem sabiex intejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, speċjalment billi niżgura li d-deċiżjonijiet mittieħda f’livell Ewropew jieħdu kont tar-rejaltajiet soċjo-ġeografiċi ta’ Malta. Se nkompli bil-ġlieda li bdejt sabiex nassigura għixien aħjar għall-iżjed persuni vulnerabbli fis-soċjeta, bħal ma qed nagħmel fit-taħdidiet mal-Kummisjoni Ewropeja fejn qed ninsisti li jiġu nvestigati monopolji de-facto fil-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tal-ikel.”