Id-Deputat Mexxej u Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba nħatar co-chair ta’ intergroup dwar id-diżabilità f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi.
L-Intergroup ġie stabbilit ix-xahar li għadda u nhar l-Erbgħa li ġej se ssir l-ewwel laqgħa tal-bord tat-tmexxija biex jiġu stabbiliti l-aġenda u t-termini ta’ ħidma.
Dan il-grupp iservi biex jintlaħaq qbil fuq pożizzjonijiet komuni bejn il-gruppi politiċi u b’hekk jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta’ leġislazzjoni li ttejjeb il-kawża.
Agius Saliba ilu jieħu interess f’materji relatati ma’ persuni b’diżabilità mindu ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew sitt snin ilu u mexxa ’l quddiem diversi miżuri f’dan il-qasam.
Dwar din il-pożizzjoni l-ġdida hu kkummenta li hu ta’ unur kbir li ġie appuntat biex jirrappreżenta lis-Soċjalisti u d-Demokratiċi, waqt li spjega li l-promozzjoni tad-drittijiet u n-neċessitajiet ta’ persuni vulnerabbli hija parti fundamentali mill-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew.
Tema importanti li se tiġi diskussa fl-Intergroup hi l-ostakli li jiltaqgħu magħhom persuni b’diżabilità meta jiġu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Fl-Unjoni Ewropea, huma biss 50.9% tal-irġiel u 45.9% tan-nisa li jsofru minn diżabilità li għandhom xi forma ta’ mpjieg u bosta huma mpjegati fuq bażi part-time.
L-Ewroparlamentari rrimarka wkoll dwar l-importanza li Malta tkun rappreżentata f’dan il-qasam fejn spjega li Gvern Laburista wettaq ħafna aktar minn dak mistenni permezz ta’ direttivi Ewropej u nieda strateġija nazzjonali dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilita li tinkludi komunikazzjoni diretta mas-soċjetà u tagħti vuċi lil dawn il-persuni. Minkejja dan, diversi ostakli u nuqqasijiet jistgħu jiġu megħluba biss b’azzjoni fuq livell Ewropew.