Il-leġislazzjoni mmexxija mid-Deputat Mexxej u MPE Laburista Alex Agius Saliba li wasslet sabiex jiġi adottat ċarġer wieħed għall-prodotti diġitali kollha issa ġiet fis-seħħ. Agius Saliba beda jaħdem fuq l-introduzzjoni ta’ din il-leġislazzjoni ftit wara li ġie elett għall-ewwel darba bħala MPE Laburista fl-2018. Huwa għeleb resistenza minn ġganti fl-industrija tat-telekomunikazzjoni bħal Apple u baqa’ jinsisti sakemm il-Kummissjoni Ewropea qabled li tadotta l-leġislazzjoni meħtieġa.
Diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ ċarġer komuni kienu ilhom għaddejjin fil-Parlament Ewropew għal madwar għaxar snin mingħajr ebda success. Id-diskussjonijiet kienu ffukati fuq l-introduzzjoni ta’ protokoll volontarju bi qbil bejn il-kumpaniji li jimmanifatturaw dawn l-prodotti. Agius Saliba insista fuq il-ħtieġa għal leġislazzjoni mandatorja minkejja r-resistenza minn operaturi fi ħdan l-industrija.
Il-Kummissjoni Ewropea eventwalment qablet mal-proposta tal-MPE Laburista u fl-2021 varat proposta leġislattiva; tliet snin biss wara li Agius Saliba ġie elett bħala MPE. Il-leġislazzjoni ġiet approvata kważi unanimament mill-Parlament Ewropew fl-2022. Il-leġislazzoni nkludiet perjodu ta’ transizzjoni sabiex l-industrija setgħet tadatta l-prodotti skond ir-rekwiżiti. Il-leġislazzjoni ġiet fis-seħħ fit-28 ta’ Diċembru għal bosta prodotti u se tiġi estiża għal laptops fit-28 t’April 2026.
Aġġeġġi diġitali li jistgħu jiġu ċċarġjati b’vultaġġ sa 5V jew jirċievu sa 15W iridu jinkludu USB charging port filwaqt li aġġeġġi li jeħtieġu iktar saħħa jridu jinkorporaw charging port iktar veloċi tat-tip USB-C. Il-leġislazzjoni tnaqqas il-ħtieġa li l-konsumaturi jixtru u jġorru ċarġers differenti għal aġġeġġi differenti.
Għal dan il-għan, il-leġislazzjoni li wasslet għaċ-ċarġer komuni tistipula wkoll li l-manifatturi ma jistgħux jinkludu l-bejgħ ta’ ċarġer mal-bejgħ ta’ prodott. Il-pakkett li fiħ jinbiegħ il-prodott għandu jinkludi struzzjonijiet ċari dwar it-tip ta’ ċarġer meħtieġ. Dawn l-aspetti addizzjonali tal-leġislazzjoni se jwasslu sabiex il-konsumaturi jiffrankaw infieq fil-vojt. B’hekk tiġi ffrankata wkoll il-ħela, li madwar l-Unjoni Ewropea tammonta għal 980 tunnellata fis-sena.
Id-Deputat Mexxej u MPE Laburista kkummenta dwar din il-kisba. “Kburi bil-ħidma li wettaqt sabiex idea li kienet ilha ġġamjata snin llum saret realtà.”