L-MPE Alex Agius Saliba talab li l-Parlament Ewropew jinvestiga kif qed jintefqu l-fondi Ewropej abbinati mal-kampanja “Ewropej”. Dawn il-fondi, li huma ntiżi sabiex jiġi apprezzat ix-xogħol leġislattiv imwettaq mill-Membri Parlamentari Ewropej, riċentament intużaw sabiex jippromwovu l-kritika ta’ Roberta Metsola f’kwistjoni mhux relatata mal-Parlament Ewropew.
Il-ġurnali Malta Today u Lovin Malta flimkien ingħataw l-inkarigu li jippublikaw artikli relatati max-xogħol imwettaq mill-MPE. Il-kundizzjonijiet tal-għotja jindikaw li l-ġurnali huma assoultament ħielsa li jippublikaw kontenut tal-għażla tagħhom, sakemm il-kontenut huwa relatat max-xogħol tal-MPE fil-Parlament Ewropew. L-artiklu in-kwistjoni, ppublikat minn Lovin Malta, huwa ntiż biss sabiex ixandar il-kritika ta’ Roberta Metsola għal ħidma tal-Gvern Malti f’azzjoni ndustrijali fl-università. Lovin Malta ġġustifikaw dan l-artiklu bħala relevanti għal kampanja sabiex Metsola terġa tiġi eletta.
L-MPE Agius Saliba stqarr “Il-miri tal-kampanja Ewropej imkien ma jgħidu li l-fondi għandhom jintużaw sabiex jippromwovu l-kampanja tal-MPEs eżistenti sabiex jiġu ri-eletti. Dawn il-fondi huma ntiżi sabiex tingħata nformazzjoni mparzjali dwar l-elezzjoni li ser isseħħ fit-8 ta’ Ġunju, dwar l-opinjonijiet tal-kandidati fuq materji Ewropej, u dwar ix-xogħol imwettaq mill-MPE fil-Parlament. Se nkompli ntenni l-pożizzjoni tiegħi li dan l-artiklu mhux konformi mal-miri tal-kampanja mħallsa mit-taxxi taċ-ċittadini u għalhekk għandu jiġi nvestigat.”
L-MPE innota li l-Partit Nazzjonalista u kritiċi oħra dlonk jikkritikaw irregolaritajiet fl-infieq ta’ fondi nazzjonali minn Ministri tal-Gvern Laburista iżda baqgħu siekta dwar l-infieq ta’ fondi Ewropew sabiex tingħata għajnuna għal kampanja elettorali ta’ Roberta Metsola. “Se niżgura li l-infieq ta’ fondi Ewropej jinxtarr bl-istess reqqa li l-PN jistenna għall-infieq ta’ fondi nazzjonali”.
L-MPE Laburista osserva wkoll li dan mhux l-ewwel każ ta’ abbuż ta’ poter relatat mal-MPE tal-Partit Nazzjonalista. Roberta Metsola riċentament żaret il-Portugall u użat in-nomenklatura tagħha ta’ President tal-Parlament Ewropew sabiex timbotta l-kampanja elettorali tal-Gvern konservattiv. Fi żjara oħra fi Stat Membru ieħor fir-rwol tagħha bħala President, Roberta Metsola għażlet li tiltaqa biss ma MPE minn ħdan il-Partit tagħha.
“Il-fondi tal-Uffiċju tal-President tal-Parlament Ewropew għandhom jintużaw b’mod ekwu u oġġettiv fl-interess tal-Parlament Ewropew, mhux sabiex jippromwovu l-interessi personali tal-persuna nkarigata bħala President” ikkonkluda l-MPE Alex Agius Saliba.
Sadanittant, fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew, intqal b’reazzjoni għal dan, li “proġetti li jingħataw għotjiet lill-midja li huma mmexxija mis-servizzi tal-Parlament Ewropew għandhom l-għan li jikkontribwixxu għal dibattitu pubbliku wiesgħa hekk kif qed joqorbu l-Elezzjonijiet Ewropew li se jsiru fl-Istati Membri kollha tal-UE f’Ġunju ta’ din is-sena, b’rispett sħiħ lejn l-indipendenza editorjali tal-parteċipanti.“
L-istqarrija żiedet tfakkar li l-għan ta’ dawn il-proġetti fl-Istati Membri hu li “jikkontribwixxi għal dibattitu pubbliku wiesgħa u joħloq interess u impenn miċ-ċittadini qabel l-Elezzjonijiet Ewropej li jmiss.” Kif imsemmi fis-sejħa pubblika għat-tender, il-midja trid tiprovdi informazzjoni regolari, affidabbli, pluralistika u mhux partiġġjana relatata mal-elezzjonijiet Ewropej u mal-ħidma politika u leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew.