L-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba wissa dwar il-problema li qed tinħoloq bl-użu eċċessiv tal-internet u n-natura vizzjuża ta’ ċerti servizzi diġitali, bħal logħob online, media soċjali, servizzi ta’ streaming, u swieq online, li jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tan-nies biex jiġbdu l-attenzjoni tagħhom u jagħmlu l-qliegħ minn fuq id-data tagħhom.
“Id-dipendenza diġitali teżisti u hija problema reali! Id-disinji manipulattivi u vizzjużi, jew disinji li jikkondizzjonaw l-imġieba huma ta’ ħsara kbira u jikkontribwixxu għal kwistjonijiet ta’ saħħa mentali li jikkawżaw riskji u ħsarat relatati mal-imġiba, inklużi forom ta’ dipendenza diġitali, b’mod partikolari fost it-tfal u ż-żgħażagħ,” ikkummenta l-MPE Agius Saliba.
Jum biss wara li wieħed u erbgħin stat tal-Istati Uniti bdew iħarrku lil Meta, fejn qalu li Instagram u Facebook huma dipendenti u jagħmlu ħsara lit-tfal, il-Membri tal-Parlament Ewropew fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew adottaw b’maġġoranza qawwija rapport li jħares lejn is-servizzi online, id-disinji ta’ dipendenza tagħhom, u l-istampa kerha tal-konsegwenzi li qed iġib miegħu il-ħin eċċessiv t’użu tat-teknoloġija fuq is-saħħa mentali. Ir-rapport, li jappella għal regoli ġodda tal-Unjoni Ewropea biex jindirizzaw il-problema, jirrappreżenta l-ewwel sforz sinifikanti fil-livell Ewropew biex jiġu indirizzati d-disinji manipulattivi diġitali u l-impatt tagħhom fuq in-nies u s-saħħa mentali tat-tfal.
Bħala n-negozjatur tal-S&D għar-Rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-MPE Alex Agius Saliba kkummenta wara l-vot, li ħafna servizzi online, logħob, midja soċjali, siti ta’ streaming, jew swieq online huma mfassla biex iżommu l-utenti tagħhom mwaħħla jqallbu fil-kontenut tagħhom u l-ħsara ta’ dawn il-prattiki hija reali. Agius Saliba nnota li ħafna saru litteralment dipendenti fuq l-ismartphones tagħhom, u l-Unjoni Ewropea trid taġixxi issa biex tgħin lin-nies ikissru dan iċ-ċiklu. Żied jgħid li l-ebda awtodixxiplina ma tista’ tindirizza d-disinn vizzjuż li ċ-ċittadini qed ikunu soġġetti għalih illum.
Il-MPE Laburista spjega li għall-ewwel darba, il-problemi li jirriżultaw mill-użu eċċessiv tal-internet qed jingħataw attenzjoni serja fil-livell Ewropew. Huwa qal li d-dipendenzi diġitali se jkunu waħda mill-isfidi ta’ żmienna u sakemm il-problema ma tiġix indirizzata b’mod effettiv issa, l-impatti negattivi se jkunu irriversibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Huwa enfasizza wkoll fuq l-impatt li d-dipendenza diġitali għandha fuq it-tfal u l-adolexxenti, li huma aktar vulnerabbli għal dawn is-sintomi, u li jaffettwawlhom il-firxa tal-attenzjoni tagħhom u l-iżvilupp tal-moħħ minn età żgħira.
“Ninsab kuntent li fl-aħħar irnexxielna nimbuttaw rapport b’ħafna messaġġi progressivi u ambizzjużi li jappellaw għal liġijiet ġodda biex jipproteġu lin-nies, li jġiegħlu lill-pjattaformi jiżviluppaw prodotti u servizzi diġitali etiċi u ġusti u b’mod partikolari jagħtu attenzjoni speċjali lill-ħsara li din it-teknoloġija qed tagħmel fuq it-tfal,” qal il-MPE Agius Saliba.
Ir-rapport jippreżenta wkoll “dritt diġitali li wieħed ma jiġix imfixkel” u joħloq lista ta’ prattiki ta’ disinn tajbin li se jkollhom benefiċċji immedjati, bħal li jintfew in-notifiki kollha b’mod awtomatiku, għażla faċli bejn il-kulur u l-iskala griża, u twissijiet meta l-utenti jqattgħu wisq ħin iħarsu lejn l-iskrin.