Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba, li ilu mill-2019 negozjatur ewlieni fi grupp ta’ ħidma fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew, ħadem bis-sħiħ sabiex jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tat-tariffi tar-roaming.
Grazzi għax-xogħol li wettaq dan il-grupp, fl-2007 kien hemm l-ewwel roħs fit-tariffi tar-roaming u, għaxar snin wara, fl-2017, kien hemm it-tneħħija tar-roaming. Barra dan, Agius Saliba kien strumentali wkoll biex intlaħaq ftehim ġdid ieħor dwar ir-roaming, li se jidħol fis-seħħ ix-xahar id-dieħel.
Dan il-ftehim se jwassal sabiex il-Maltin li jagħmlu medja ta’ madwar 20 minuta ta’ telefonati fix-xahar waqt ir-roaming, se jkunu qed jiffrankaw bejn 60 u mitt ewro fix-xahar.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba tkellem dwar l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej. Hu sostna li l-konsumaturi Maltin se jkomplu jgawdu l-istess tariffi anki meta jżuru pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea. Semma wkoll li issa l-konsumatur Malti se jkollu l-istess veloċità tal-internet li jgawdi f’Malta.
Qal, “Mill-ewwel ta’ Lulju li ġej, se jkun qed jidħol fis-seħħ arranġament ġdid għall-għaxar snin li ġejjin, li intom il-konsumaturi se tibbenifikaw minnu. Permezz ta’ dan l-arranġament, issa mhux se tkunu qed tħallsu biss l-istess ammont ta’ internet meta tużaw it-,3G, il-4G, u l-5G barra minn xtutna f’xi Stat tal-UE imma wkoll, għall-ewwel darba, mill-1 ta’ Lulju li ġej se jkollok ukoll l-istess speed ta’ internet illi jkollok f’Malta meta tkun qed tuża l-ismart phone tiegħek barra l-pajjiż f’xi pajjiz Ewropew.”