Il-BMX Pro Rider Taljan, Alessandro Barbero mexxa Kamp ta’ Taħriġ interessanti bejn it-22 u l-24 ta’ Ġunju li għaddew. L-Assoċjazzjoni Maltija tal-BMX ospitat dan l-ewwel kamp ta’ taħriġ tal-BMX għal 10 sewwieqa promettenti, li kollha kienu mħarrġa minn Barbero fi tmiem dik il-ġimgħa. Alessandro flimkien mal-kowċ lokali Karl Naja speċifikaw fuq l-aspetti importanti kollha tal-BMX u taw pariri siewja biex is-sewwieqa jtejbu l-livell tagħhom.
Matul dawn il-jiem, is-sewwieqa lokali tal-BMX ingħataw ukoll l-opportunità li jkunu l-ewwel li jippruvaw il-foam pit l-ġdida li dalwaqt se tkun miftuħa għall-pubbliku, meta jkunu saru l-aħħar irtokki finali.
Bħalissa l-Assoċjazzjoni qed tipprepara wkoll għall-BMX Fest annwali tagħha, l-Edizzjoni tas-Sajf, li se ssir bejn it-13 u l-15 ta’ Lulju 2018. Din se tkun preparazzjoni tajba għal tliet atleti tal-BMX Maltin (Karl Naja, Mathias Mangion u Luke Farrugia) li se jikkompetu f’kompetizzjoni internazzjonali fil-Latvja bejn is-27 u d-29 ta’ Lulju, waqt il-Festival tal-Logħob mgħaruf bħala tal-Ghetto.
L-Assoċjazzjoni tal-BMX ħarġet ukoll id-dati għall-kompetizzjoni internazzjonali tagħha li mistennija li ssir bejn it-30 u t-2 ta’ Diċembru 2018. Din ser tkun il-Ħames Edizzjoni u l-Assoċjazzjoni qed tistenna li ser jinqabeż in-numru rekord ta’ parteċipanti mill-25 li kienu attendew is-sena li għaddiet.