Aleks Farrugia, rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (2020) bil-ġabra ta’ novelli Għall-Glorja tal-Patrija! ġie skwalifikat mix-shortlisting tal-Premju Ewropej ghal-Letteratura minħabba li ippubblika l-ktieb tiegħu mal-SKS li huwa assoċċjat ma’ partit politiku.
Din il-kundizzjoni ma tidher imkien fir-regoli tal-Premju fuq il-website tagħha u qatt ma kienet issemmiet jew invokata. Minkejja dan, il-ġurija Maltija qablet mal-mod arbitrarju tal-EUPL – meta skwalifikaw lil Aleks Farrugia
SKS esprimiet l-apprezzament u s-solidarjetà ma’ Aleks Farrugia u qalet li t-trattament miegħu jikkontradixxi l-valuri u t-trasparenza u non-diskriminazzjoni li l-Unjoni Ewropea tgħid li tirrapreżenta.
Fil-15 ta’ Mejju, se jingħata dan il-Premju lil dawk il-kittieba emerġenti minn għadd ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta.
SKS ikkundannat din id-deċiżjoni u qalet li an il-Premju huwa maħsub għal kittieba kreattivi, mhux għall-pubblikaturi. Huwa totalment inaċċettabbli jekk EUPL tipprova tirrestrinġi il-libertà tal-kittieba li jagħżlu xi jgħidu, kif jgħiduha u fejn jgħiduha. Dan mhux il-mod Ewropew kif isiru l-affarijiet.
Waqt li kkundannaw dak li sar, SKS Publishers kkonfermaw li huma affiljati ma’ partit politiku, fatt li dejjem kien magħruf. Iddikjaraw li f’erbgħin sena li ilhom joperaw, ħadmu biex jilħqu l-eċċellenza fil-pubblikazzjoni ta’ kitbiet fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjoloġiċi, letterarji u storiċi, u se jkomplu jaħdmu fuq dil-linja.
Fost il-kotba ippubblikati minn SKS, hemm kitbiet politiċi, storiċi, bijografiji, edukattivi, drammi u novelli, il-biċċa l-kbira bil-Malti, uħud bl-Ingliż. Waqt li pubblikazzjonijiet f’kontenut politiku kellhom skop politiku xellugi, SKS qatt ma ippruvat tinfluwenza xi xtaqu jiktbu l-kittieba, mhux biss fil-kitba kreattiva, iżda f’kull qasam.