L-ebda ħaddiem tal-grupp Alberta ma tilef xogħlu. Dan grazzi ukoll għall-iskemi ta’ għajnuna li ta l-gvern lin-negozji minħabba l-effett tal-pandemija fuq l-operat tagħhom.
Iddikjarat dan id-Direttur tal-grupp Alberta Liz Barbaro Sant fi żjara li għamel l-Ministru għall-ekonomija Silvio Schembri fl-uffiċini tal-grupp f’Birkirkara.
Fi ħdan il-grupp Alberta hemm tliet kumpaniji li jħaddmu mat-350 ruħ.
F’dawn ix-xahrejn u nofs, Barbaro Sant spjegat kif il-ħaddiema bdew jaħdmu mid-dar u l-iskema tat-teleworking se tibqa’ titħaddem.
Barbaro Sant stqarret, “Ħabba l-miżuri li ħabbar l-Gvern aħna nistgħu nżomm lill-ħaddiema tagħna. L-affarijiet ta’ teleworking li ħabbar l-gvern aħna se nkomplu nżommuhom.”
Id-direttur tal-grupp Alberta esprimiet is-sodisfazzjoni għall-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro.
Hi kompliet tgħid, “Kien importanti li l-pjan tħabbar issa. Importanti li nagħtu kuraġġ lil min ġie milqut biex hekk bħala pajjiż nimxu ‘l quddiem.”
Il-Ministru Silvio Schembri faħħar it-tmexxija u l-ħaddiema tal-Alberta Group għall-impenn tagħhom.
Qal li minn stħarriġ li sar mill-Kamra tal-Kummerċ ħareġ li tliet kwarti tan-negozji li ipparteċipaw f’webinar illi sar kienu sodisfatti bil-pjan ekonomiku li ħabbar l-gvern.
“Bil-miżuri li ħabbarna naraw li kumpaniji jħarsu lejn esportazzjoni. Dan huwa l-ikbar pakkett u nerġgħu niksbu l-fiduċja biex ninvestu f’pajjiżna.” Temm jgħid il-Ministru Schembri.