Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg ma kkundannax l-attakki li għamel Karol Aquilina fuq l-Ispeaker fil-Parlament. Hu għamel dan f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista quddiem il-Parlament.
Fil-fatt, staqsejna lid-Deputat Nazzjonalista jekk jikkundannax lill-Kap de facto tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina, wara li t-Tlieta fil-Parlament ma ddejjaq xejn jattakka u jgħajjar “bla moħħ” lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
Ġurnalist: “Onorevoli Buttigieg, għandi mistoqsija jekk ma jimpurtax.”
Albert Buttigieg : “Il-konferenza spiċċat”.
Ġurnalist: “Ma nistax nagħmillek mistoqsija jiġifieri?”
Albert Buttigieg: “M’għandix kummenti”.
Ġurnalist: “Inti tikkundannah dan id-diskors?”
Albert Buttigieg: “Weġbitek il-kollega”.
Madankollu, hu u jagħmel il-mistoqsija lid-Deputat Nazzjonalista, membri tat-tim tal-komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista spiċċaw daru lill-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon.
Viżibilment skomdi, anke biex jgħinnu lil Buttigieg jaħrab mill-mistoqsija, dawn bdew iwaqqfu lill-ġurnalist milli jagħmel xogħlu. Fil-fatt, il-Kelliem ta’ Bernard Grech, Nathaniel Attard, beda jgħid lid-Deputat Nazzjonalista biex jaħrab mill-ġurnalist.
Ġurnalist: “Skomdu jwieġeb?”
Simon Cassar: “Wieġbek”.
Albert Buttigieg: “Lanqas xejn”.
Ġurnalist: “Mela tista’ tweġibni”.
Nathaniel Attard: “Ibqa’ miexi, ibqa’ miexi!”
U l-istruzzjonijiet li tawh obdihom, tant li ħarab ’l hemm mill-ġurnalist. Iżda qabel ħarab jiġri fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista baqa’ jevita il-mistoqsija.
Ġurnalist: “Se tiddeplorah il-kliem li uża Karol Aquilina?”
Albert Buttigieg: “Weġbitek il-kollega tiegħi”.
Ġurnalist: “Skomdu twieġeb”.
Albert Buttigieg: “Kont… weġbitek il-kollega tiegħi”.
Ġurnalist: “Inti m’għandekx opinjoni jiġifieri?”
Albert Buttigieg: “Weġbitek il-kollega tiegħi, li qalet hi qed ngħidulek jien, grazzi”.
Skomda u evażiva wkoll kienet id-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ li meta staqsejniha jekk tikkundannax il-kliem li uża Karol Aquilina, ukoll ħarbet il-mistoqsija.
L-iskumdità fost id-deputati qed tiġi wara li tul is-seduti Parlamentari tat-Tnejn u t-Tlieta, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kompliet bl-attakki, l-arroganza u n-nuqqas ta’ rispett tagħha fil-konfront tal-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia.
Fil-fatt, id-Deputat tal-establishment Nazzjonalista Karol Aquilina attakka lil Farrugia.
“Niddubita kemm taħseb inti”.
Karol Aquilina, Deputat Nazzjonalista