Il-kandidat u Sindku Nazzjonalista ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, ġab fix-xejn ix-xewqa tal-Kap tal-partit tiegħu, Bernard Grech, li s-siġġu parlamentari li tbattal bil-mewt tad-deputat Robert Arrigo jimtela b’co-option mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione.
Ftit tal-ħin ilu Buttigieg tefa’ n-nomina tiegħu għall-by-election, li effettivament ifisser li ngħalqet il-possibbiltà li ssir co-option għal dan is-siġġu.
It-tfigħ tan-nomina minn Buttigieg qed jiġi interpretat minn bosta fil-Partit Nazzjonalista bħala sfida diretta lill-Kap, Bernard Grech. Fil-fatt, din il-kwistjoni f’dawn l-aħħar jiem ħolqot tensjoni kbira f’Tal-Pietà.
Perici Calascione kien l-uniku kandidat li ħareġ għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap ftit ilu, u kellu jiġi aċċettat mill-fazzjonijiet differenti, anke jekk b’nofs qalb. Madankollu, quddiem il-kwistjoni tal-mili tas-siġġu fl-10 distrett, Buttigieg u ta’ madwaru mhux lesti jħallu li dan is-siġġu parlamentari jieħdu xi ħadd ieħor.
Dan għamluh ċar mill-ewwel, bil-messaġġi li bagħtu lil Bernard Grech, li bihom għamluhielu ċara li jew jagħmel kif jgħidulu jew inkella ħażin għalih. Fuq kollox, fakkruh li kienu huma li għamluh Kap tal-Partit Nazzjonalista wara li qaċċtu min-nofs lil Adrian Delia.
Aktar kmieni din is-sena, Albert Buttigieg kellu problemi mat-tmexxija Nazzjonalist, wara li lmenta pubblikament li l-partit kien warrbu għal kollox waqt il-kampanja elettorali. Buttigieg kien sostna li ras kbira fil-Partit Nazzjonalista kienet wiegħdet lil kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan, li kienu se jagħlqulu ħalqu għax kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalita tiegħu ta’ San Ġiljan.
Minbarra Albert Buttigieg, is-siġġu vakanti fl-10 distrett jistgħu jitfgħu isimhom għalih – sa l-Erbgħa – il-kandidati Emma Portelli Bonnici u Karl Gouder.
F’kumment li kiteb fuq il-paġna tiegħu fuq il-Facebook, Albert Buttigieg kiteb li tefa’ n-nomina “b’rispett lejn il-proċess demokratiku u ċ-ċittadini fl-10 distrett”.