Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg ikkonferma dak li żvela ONE News, jiġifieri li l-Partit Nazzjonalista qallu biex ma jitfax in-nomina tiegħu għall-by-election biex jieħu post l-eks Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo fil-Parlament.
Buttigieg ikkonferma dan waqt intervista li kellu mat-Times u li xxandret it-Tnejn filgħodu.
Fl-intervista Buttigieg sostna li miegħu t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tkellmet fosthom dwar jekk għandux jikkontesta.
Proprju ftit tal-jiem ilu ONE News irrapporta kif Buttigieg ġab fix-xejn ix-xewqa tal-Kap tal-partit tiegħu, Bernard Grech, li s-siġġu parlamentari li tbattal bil-mewt tad-deputat Robert Arrigo jimtela b’co-option mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione.
Dan wara li Buttigieg webbes rasu u tefa’ n-nomina tiegħu għall-by-election, li effettivament fissret li ngħalqet il-possibbiltà li ssir co-option għal dan is-siġġu.
Dakinhar it-tfigħ tan-nomina minn Buttigieg ġiet interpretata minn bosta fil-Partit Nazzjonalista bħala sfida diretta lill-Kap, Bernard Grech. Fil-fatt, din il-kwistjoni f’dawn l-aħħar jiem ħolqot tensjoni kbira f’Tal-Pietà.
Perici Calascione kien l-uniku kandidat li ħareġ għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap ftit ilu, u kellu jiġi aċċettat mill-fazzjonijiet differenti, anke jekk b’nofs qalb.
Madankollu, quddiem il-kwistjoni tal-mili tas-siġġu fl-10 distrett, Buttigieg u ta’ madwaru ma kinux lesti li jħallu li dan is-siġġu parlamentari jieħdu xi ħadd ieħor.
Aktar kmieni din is-sena, Albert Buttigieg kellu problemi mat-tmexxija Nazzjonalista, wara li lmenta pubblikament li l-partit kien warrbu għal kollox waqt il-kampanja elettorali.
Buttigieg kien sostna li ras kbira fil-Partit Nazzjonalista kienet wiegħdet lil kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan, li kienu se jagħlqulu ħalqu għax kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu ta’ San Ġiljan.