Il-Kandidat Nazzjonalista u Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg sostna li jaf min huma l-persuni li riedu jwarrbuh mill-Partit Nazzjonalista.
Huwa qal dan f’intervista mal-gazzetta Illum, meta ġie mistoqsi mill-ġdid dwar l-allegazzjonijiet li kien għamel f’artiklu fuq it-Times, li kompla jikkonferma l-ġlied intern li għadu jiddomina fid-Dar Ċentrali.
Dakinhar kien sostna li uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista wiegħed lil kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan, li se jkunu qed “jagħlqulu” ħalqu. Dan għax kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu ta’ San Ġiljan.
Fl-artiklu, Buttigieg ilmenta li l-partit fil-fatt warrbu għal kollox waqt il-kampanja elettorali u qal li ħassu mibjugħ għal tletin biċċa tal-fidda.
Mal-Illum, Buttigieg kompla jsostni l-pożizzjoni tiegħu u qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux għalfejn jieħu azzjoni kontrih, la m’għamel xejn kontra l-istatut.
Madanakollu wara li ħareġ b’dawn l-allegazzjonijiet, Albert Buttigieg kellu jidher quddiem il-Kummissjoni Etika Dixxiplina u midja Soċjali tal-Partit Nazzjonalista, wara li evidentament qaras bil-kbir irjus kbar fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Fl-ewwel sessjoni ta’ votazzjoni bikrija għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, is-Sindku ta’ San Ġiljan ma ddejjaqx juri lit-tmexxija tal-Partit, li għadu attiv fil-Partit Nazzjonalista.
Fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, huwa tella’ ritratt minn ġewwa d-Dar Ċentrali u kiteb hekk.
“Jiena qiegħed hawn, ma mort imkien u bi ħsibni nibqa’ hawn. Minix baħri tal-bnazzi.”
Konferma oħra tal-ġlied li għadu jiddomina fil-Partit Nazzjonalista kienu l-kummenti tas-Sindku Nazzjonalista tan-Naxxar, Ann Marie Muscat Fenech Adami, ftit tal-jiem ilu, lil din il-kamra tal-aħbarijiet.
Dakinhar mal-mikrofonu ta’ ONE News, hija sostniet li tinsab iddispjaċuta ħafna għall-fatt li l-Kummissjoni Etika u Dixxiplina tal-Partit Nazzjonalista għadha siekta dwar il-pożizzjoni tal-partit fuq l-istess sindku, wara li kienu xlewha b’kunflitt ta’ interess u saħansitra ntalbet tirriżenja mill-kariga tagħha.
Meta mistoqsija minn ġurnalist, “Jiddispjaċik li daħħluk f’din is-sitwazzjoni u qatt ma reġgħu tkellmu dwarha?.”
Hi qalet, “Iva, ħafna. Jien qiegħda f’pożizzjoni li għadni le, ma nafx”
Hija kienet ġiet akkużata b’kunflitt ta’ interess fuq proġett fin-Naxxar, u ntalbet tirriżenja mill-Kap tal-Partit, Bernard Grech.
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-gazzetta Maltatoday irrappurtat li l-Kummissjoni ma kienet sabet ebda ħtija fil-konfront ta’ Muscat Fenech Adami, iżda żammet din id-deċiżjoni siekta biex ma timbarazzax lil Bernard Grech.
Madankollu meta ONE News kien staqsa lil Bernard Grech dwar dan, huwa kien qal li għad m’hemmx deċiżjoni fil-konfront tas-Sindku Nazzjonalista tan-Naxxar.
Dan minkejja li kienu għaddew aktar minn seba’ xhur minn meta skatta l-proċess intern fil-Partit Nazzjonalista kontriha.
Qal, “Hekk kif jiġi konkluż il-proċess statutorju tal-Partit Nazzjonalista fuq dan il-proċess.”
Sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali kienu sostnew li r-raġuni li kull żvilupp fuq is-Sindku tan-Naxxar baqa’ mistur, hija l-biża’ li l-Kap jispiċċa imbarazzat.