Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg kompla bil-kampanja tiegħu kontra l-kaċċa, din id-darba wkoll, bi stqarrijiet skorretti fil-Parlament.
Waqt li, fl-aħħar jiem, għamel mistoqsija Parlamentari lill-Ministru responsabbli Clint Camilleri, Buttigieg iddikjara li hemm żewġ sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kontra l-prattika tad-delizzju tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’pajjiżna.
F’tali dikjarazzjoni, li wkoll hi żbaljata, Buttigieg staqsa x’passi se jieħu l-Gvern biex, skontu, ma jkunx hemm sentenza oħra kontra pajjiżna.
Mill-informazzjoni, li kiseb ONE News, u kif jirriżulta mit-tweġiba li tah il-Ministru Camilleri hu ċar li l-istqarrija ta’ Albert Buttigieg hi skorretta.
Fil-fatt, hemm biss sentenza waħda tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta. Mhux talli hekk, iżda, bil-kontra ta’ dak li stqarr Buttigieg fil-Parlament, din is-sentenza lanqas titkellem kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Dakinhar, il-Qorti Ewropea kienet sabet lill-Gvern Nazzjonalista ħati li m’applikax id-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa b’mod korrett. Mn-naħa l-oħra, il-Qorti kkonfermat li Malta ma kellhiex alternattiva sodisfaċenti għall-kaċċa fir-rebbiegħa u, allura, seta’ jkun hemm parametri stretti li fuqhom jista’ jinfetaħ staġun tal-kaċċa limitat f’dan il-perjodu tas-sena.
Din mhux l-ewwel darba li Buttigieg, flimkien ma’ esponenti oħrajn tal-Partit Nazzjonalista, tkellmu u kitbu kontra d-delizzju tal-kaċċa.
Fil-fatt, Buttigieg kien iddedika parti mill-ewwel diskors tiegħu, wara l-ġurament bħala membru Parlamentari, biex jitkellem kontra l-kaċċa. Fil-kummenti tiegħu, kien qabbel din il-prattika mal-ħajja fl-għerien jew il-ħasil tal-ħwejjeġ bl-idejn, kif kien isir fl-imgħoddi.
L-istess reġa’ għamel ftit tal-ġranet ilu, meta nqeda bil-Facebook, biex jgħajjar lill-membri tal-kumitat Ornis bħala ‘yes man’, eżatt wara li tħabbar li ġie rrakkomandat staġun qasir ta’ għoxrin nofstanhar kaċċa bejn l-14 ta’ April u l-4 ta’ Mejju li ġejjin.
Hawnhekk ukoll, hu reġa’ rrepeta l-istqarrija żbaljata dwar is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.