Is-Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, ġie elett bħala membru parlamentari Nazzjonalista wara li dalgħodu saret elezzjoni każwali biex jimtela s-siġġu li tbattal fl-għaxar distrett elettorali bil-mewt tad-deputat Robert Arrigo.
B’dan l-iżvilupp inġiebet fix-xejn ix-xewqa tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li dan is-siġġu parlamentari jimtela b’co-option mill-Viċi Kap Nazzjonalista, Alex Perici Calascione.
Albert Buttigieg ġab 2,122 vot, filwaqt li l-kandidata l-oħra li tefgħet in-nomina, Emma Portelli Bonnici, ġabet 1,151 vot.
Aktar kmieni din is-sena, Albert Buttigieg kellu problemi mat-tmexxija Nazzjonalista, wara li lmenta pubblikament li l-partit kien warrbu għal kollox waqt il-kampanja elettorali.
Buttigieg kien sostna li ras kbira fil-Partit Nazzjonalista kienet wiegħed lil kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan, li kienu se jagħlqulu ħalqu għax kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalita tiegħu ta’ San Ġiljan.