Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Solidarjetà Soċjali, Albert Buttigieg, f’artiklu fit-Times of Malta għamel kummenti insensittivi għall-aħħar.
Dan meta f’ġimgħa fejn kien hemm splużjoni quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, għażel li jikkwota parti minn diska jisimha “Fight Song” u qal “The moment is now. I might have only one match, but I can make an explosion”. Dan waqt li sejjaħ għal ġlieda kontra dawk “wara t-tron ta’ Kastilja”.
Dan isegwi kummenti fuq il-midja soċjali ta’ esponent ieħor qrib l-establishment, Andrew Borg Cardona, magħruf bħala l-‘boċċa’. Dan tal-aħħar ipprova jirredikola s-sitwazzjoni u implika li meta sejjaħ għall-kalma l-Prim Ministru dan kien qiegħed jipprova jbeżża’ lin-nies.
Tant li saqsa jekk hemmx bżonn jixtri ħafna “toilet paper għax id-dinja se tintemm”. Borg Cardona wkoll ppublika ċajta rigward din l-isplużjoni, u anke għamel kummenti fuq siti tal-aħbarijiet lokali fejn ipprova jwaqqa’ għaż-żuffjett is-sitwazzjoni.
Wieħed isaqsi kieku l-isplużjoni seħħet quddiem l-istamperija kienx se jkun hemm l-istess reazzjoni mill-persuni qrib l-establishment.