ONE News jinsab infurmat li minn tal-inqas persuna tinsab arrestata b’rabta mal-allegat każ li seħħ fl-aħħar jum tas-sena f’Paceville, meta raġel deher jiġi msawwat brutalment minn grupp ta’ bouncers fit-triq, f’filmat li nxtered fuq il-midja soċjali.
Kienet azzjoni f’waqtha tal-Pulizija mit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit li kienu fuq xogħol fl-ajruport, li wasslet għall-arrest ta’ wieħed minn dawn il-bouncers, li huwa barrani, wara li żewġ uffiċjali għarfu lir-raġel waqt li kien se jipprova jitlaq mill-pajjiż.
Sorsi viċin ONE News spjegaw kif ir-raġel kien se jtir lejn ir-Rumanija l-Erbgħa waranofsinhar, u fis-sala tat-tluq tal-ajruport, intagħraf mill-Pulizija tal-Rapid Intervention Unit u twaqqaf minnufih.
Huwa mifhum li dan ġie arrestat fl-ajruport u ttieħed fl-għassa ta’ San Ġiljan għal aktar investigazzjonijiet, fejn qed jgħin fl-interrogazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ.
Il-filmat, li ħareġ fuq il-portal Lovin Malta, allegatament ittieħed fl-aħħar lejl tas-sena l-oħra, u juri ħamest irġiel jattakkaw u jsawtu lir-raġel brutalment, inkluż b’oġġett simili għal lembuba.
Fi stqarrija tal-Pulizija ġie kkonfermat dan, u ntqal kif iż-żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena, li huwa Albaniż, se jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta ta’ nofsinhar, u se jiġi akkużat bi ksur ta’ paċi pubblika, użu ta’ arma mhux irreġistrata u li kkawża ġrieħi gravi lil persuna oħra.
Huwa se jitressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud.
AQRA AKTAR: