Begtash Muka, Albaniż ta’ sebgħa u għoxrin sena tressaq il-qorti mixli b’attentat ta’ qtil li allegament seħħ waqt serqa kbira ta’ ġojjellerija minn stabbiliment kummerċjali f’Tas-Sliema.
Analiżi tad-DNA wasslet sabiex Muka jiġi identikat b’rabta ma’ serqa kbira bl-armi li saret mill-ħanut ta’ Diamonds International fil-Ponta ta’ Tigne.
Ir-raġel li ma talabx għall-ħeslien mill-arrest diġà jinsab miżmum f’Kordin b’rabta ma’ reat ieħor li allegatmanet wettaq wara li daħal armat f’żona ristretta fl-ajruport.
Fis-serqa li fiha nsterqu madwar €330,000, wieħed mill-irġiel ipponta l-arma tan-nar fid-direzzjoni tal-uffiċjali tal-pulizija u allegatament ipprova jisparalu. Madankollu l-arma ma ħaditx.
Daniel Muka, ħu l-akkużat diġà tressaq il-qorti mixli b’din is-serqa.
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, l-Ispettur James Grech akkuża lill-Albaniż bl-attentat ta’ qtil, serq aggravat, arrest illegali, li darab ħafif tliet persuni, li beżżagħhom u li kien qiegħed iġorr arma bla permess.
Fil-qorti, l-avukat difrensur Franco Debono kkontesta l-validità tal-arrest, bl-ispettur jgħid li Muka tressaq il-qorti sena wara għax kien mistoħbi. Il-Qorti ddeċidiet li l-Prosekuzzjoni aġixxiet tajjeb fl-arrest tal-akkużat.