Albaniż ta’ 51 sena li jgħix Ħaż-Żebbuġ tilef ħajtu wara li ġġarraf saqaf ta’ binja antika f’Tas-Sliema.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-għaxra neqsin kwart ta’ filgħodu, fi Triq San Injazju.
Fuq il-post marru immedjatament il-forzi tal-ordni, fejn irriżulta li fuq il-post tal-inċident kien hemm żewġ Albaniżi. B’wieħed minnhom ta’ 31 sena rnexxielu joħroġ waħdu minn fuq il-post u ttieħed l-Isptar Mater Dei. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wettqu operazzjoni biex jinstab ir-raġel l-ieħor. Hu nstab ftit tal-ħin wara, iżda sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Philip Galea Farrugia, li fetaħ inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni għadhom għaddejjin.
Sadanittant, stqarrija tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni nnotat li x-xogħol fuq is-sit fejn tilef ħajtu l-Albaniż kien qed isir mingħajr permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Irriżulta li x-xogħlijiet li kienu qed isiru fil-partijiet ta’ ġewwa tal-proprjetà ma kellhomx l-approvazzjoni kompleta tal-Awtorità tal-Ippjanar, hekk kif din kienet għadha pendenti u wisq anqas ma kien hemm applikazzjoni mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u għaldaqstant ma kien hemm ebda permess għal xogħlijiet.
Intant, fi stqarrija l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, qalet li ż-żewġ ħaddiema jaħdmu ma’ kuntrattur lokali. Minn stħarriġ li sar mill-OHSA rriżulta li li ma kienux daħlu dokumenti rikjesti bil-liġi u ma ġietx notifikati b’dawn ix-xogħlijiet.
AQRA AKTAR: