Albaniz ta’ 51 sena li jgħix Ħaż-Żebbuġ tilef ħajtu wara li ġġarraf saqaf ta’ binja antika f’Tas-Sliema.
Il-każ seħħ wara l-ħabta wara d-9:30 ta’ dalgħodu, fi Triq San Injazju.
Il-kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani qal mal-midja dak il-ħin tal-inċident kien hemm żewġ persuni, it-tnejn Albanizi.
Intqal li wieħed mill-persuni ħareġ minn fuq il-post u ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Pisani qal li wara ħidma delikata li saret mid-Dipartiment tal-Protezzjoni l-vittma nstabet maqbuda taħt it-tifrik mingħajr ħajja.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Philip Galea Sciberras, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
Il-Maġistrat qed ikun mgħejjun ukoll mill-BCA u l-OHSA.