Il-pulizija qed titlob l-għajnuna tal-pubbliku biex jinstab raġel ieħor suspettat li fil-bidu tax-xahar li għadda wettaq hold-up minn ħanut tal-ġojjellerija f’Tas-Sliema.
Fi stqarrija, il-pulizija ppubblikat ir-ritratt ta’ Begtash Muka li għandu sitta u għoxrin sena u appellat lill-pubbliku biex jgħaddilha kull informazzjoni dwaru.
Minn stħarriġ li għamel ONE NEWS, jirriżulta li Begtash jiġi ħu Daniel Muka, iż-żagħżugħ Albaniż li qed ikun investigat dwar l-istess każ. Dan tal-aħħar tressaq il-Qorti mixli b’attentat ta’ qtil wara li allegatament ippunta arma tan-nar lejn il-Pulizija meta marru biex jarrestawh f’Paceville.
Huwa kien ġie mixli wkoll li attakka u rreżista l-arrest bi vjolenza u li ħebb għal tliet kuntistabbli tal-pulizija tar-Rapid Intervention Unit.
Iż-żagħżugħ kien twaqqaf flimkien ma’ ħuh Begtash fuq suspett li setgħu kienu involuti fil-hold up li sar mill-ħanut tad-Diamonds International u li matulu nsterqu b’eluf kbar ta’ ewro f’ġojjellerija. Nifhmu li Begtash ġie rrilaxxat wara li l-Pulizija ma kellhiex biżżejjed provi kontrih.
Fil-hold-up ta’ Tignè kienu involuti tliet persuni; tnejn li daħlu jisirqu b’arma u ieħor li saq il-karozza mill-parkeġġ ta’ Tignè Point. Waqt il-hold-up kien aggredit ħaddiem tas-sigurtà li sofra ġrieħi f’rasu b’daqqa t’arma.
Il-Pulizija kkonfermat ma’ ONE NEWS li l-Albaniż Ramazan Hysa, li tiegħu l-Pulizija ppubblikat ritratt jumejn wara l-holdu-up għadu qed jiġi mfittex.
Sadanittant il-pulizija qed titlob l-għajnuna tal-pubblika biex min għandu tagħrif dwar iż-żewġ suspetatti jagħmel kuntatt minnufih magħha fuq in-numru 119 jew 21224001.