Is-Sibt filgħodu bosta qamu maħsuda bl-aħbar tal-mewt ta’ Alan Galea. Ġuvni ta’ 19-il sena mill-Mosta li tard il-Ġimgħa filgħaxija kien involut f’inċident tat-traffiku fl-Imġarr.
Stqarrija tal-Pulizija s-Sibt filgħodu kkonfermat li għall-ħabta tal-11:15 ta’ filgħaxija fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr, seħħet ħabta frontali.
Minn investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta u tar-Rapid Intervention Unit irriżulta li karozza tal-għamla Toyota, misjuqa minn Galea, u li fiha kien hemm ukoll passiġġier ta’ 18-il sena, ħabtet ma’ vann tal-għamla Mitsubishi misjuqa minn raġel ta’ 35 sena mill-Imġarr. Galea kien qed isuq lejn il-Mosta, u s-sewwieq tal-vann kien qed isuq lejn l-Imġarr. Fuq il-post kellhom jissejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jinħarġu ż-żewġ żgħażagħ mill-karozza, waqt li tim mediku tal-emerġenza mill-Isptar Mater Dei ta l-ewwel għajnuna. It-tliet persuni involuti fl-inċident ittieħdu l-isptar għal aktar kura, iżda Galea miet ftit wara kawża tal-ġrieħi li ġarrab.
B’rabta mal-inċident inħatret inkjesta mmexxijja mill-Maġistrat tal-Għassa Marseann Farrugia.
Is-Sibt filgħodu l-midja soċjali kienet miżgħuda b’ritratti ta’ Galea hekk kif ħafna fakkru l-memorja tal-ġuvni. Fost ħafna minn sħabu kien hemm minn fakkar fiż-żminijiet mill-isbaħ li għexu flimkien.
Persuna partikolari fakkar kif Galea kien għinu jarma raddiena għall-festa u kif kull darba li kien jitolbu pjaċir dlonk kont tarah ġej bir-rota.
Oħrajn spjegaw kif id-daħka fuq wiċċ Galea kienet waħda unika.