Tifel ta’ sitt snin li spara lill-għalliema tiegħu fi skola primarja fl-istat Amerikan ta’ Virginia aktarx li mhux se jaffaċċja akkużi, skont prosekutur Amerikan. Madanakollu, l-awtoritajiet fil-belt ta’ Newport News għad iridu jiddeċiedu jekk hemmx adult li se jiffaċċja akkużi kriminali fil-każ.
Il-Pulizija qalet li t-tifel ġab il-pistola fil-basket tiegħu fl-Iskola Elementari Richneck, fis-6 ta’ Jannar. Abigail Zwerner, għalliema ta’ 25 sena, irċeviet tiri f’idha u f’sidirha, iżda baqgħet ħajja.
L-Avukat tal-Commonwealth ta’ Newport News, Howard Gwynn, qal lil NBC News li l-uffiċċju tiegħu mhux se jfittex akkużi kontra t-tifel. Qal li l-“prospett li tifel ta’ sitt snin jista’ jgħaddi ġuri huwa problematiku” għax it-tifel huwa żgħir wisq biex jifhem is-sistema legali.
“L-għan tagħna mhuwiex biss li nagħmlu xi ħaġa malajr kemm jista’ jkun,” żied jgħid.
“Ladarba nanalizzaw il-fatti kollha, aħna se nressqu kwalunkwe persuna jew persuni li nemmnu li nistgħu nippruvaw lil hinn minn dubju raġonevoli li wettqu reat.”
Aqra aktar: