ONE News iltaqa ma’ aktar żgħażagħ li qed imexxu l-kumpanija tagħhom bħala parti mill-programm tal-JA, JA Mini Company Programme.
Il-programm hu mmirat biex jgħin studenti jinvolvu iżjed lilhom infushom fl-intraprenditorija, filwaqt li jaħdmu aktar f’tim bil-għan li jiġu ġġenerati profitti mill-prodotti tagħhom.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, fil-Junior College, tkellimna ma’ Matthea Grech, li hi nvoluta fil-kumpanija Żiffa Maltija. Din il-kumpannija qed tbigħ fliexken tal-fwieħa b’irwejjaħ differenti.
Minkejja li hi ħafna l-kompetizzjoni f’dan il-qasam, Żiffa Maltija qed tpoġġi lilha nfusha f’vantaġġ hekk kif qed iżżomm is-sostenibbiltà bħala waħda mill-miri tal-kumpanija.
Dan billi l-ippakkjar tal-prodotti hu differenti minn dak konvenzjonali u hu magħmul bl-idejn, permezz ta’ mezzi konvenzjonali, fosthom bil-ganċ.
“Bażikament, aħna ġietna l-idea l-ewwel nett li nagħmlu dawn il-pouches, għax aħna għandna qisu l-għan tagħna … l-għan tas-sostenibbiltà fejn, permezz tagħha, minflok noqogħdu nagħmlu l-kaxxi jew xi borża tal-plastik, nagħmluhom f’pouches li huma sostenibbli. Barra minn hekk, qed inġibu wkoll nostalġija lejn l-anzjani, għax dawn qabel kienu jkunu aktar popolari, iżda llum il-ġurnata qed jinqatgħu u x-xogħol bl-idejn hu xi ħaġa li għandna nibżgħu għalih.”
Matthea Grech, Studenta
ONE News tkellem ukoll ma’ Zach Schembri, li jifforma parti mit-tim wara l-kumpannija Cards Unite. Zach spjega magħna kif l-idea feġġet wara l-perjodu tal-COVID-19 hekk kif is-soċjalizzazjoni kienet limitata u ħafna kienu qed isibuha diffiċli biex, kif ħriġna minn dan il-perjodu, jerġgħu jagħmlu l-ħbieb.
Kien lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet li ngħaqdu f’tim u fformaw kumpanija li, permezz tagħha, qed joħolqu karti tal-logħob li joffru mument ta’ daħk u sfidi għaż-żgħażagħ.
Din il-logħba, li tipermetti gruppi ta’ ħbieb jingħaqdu f’daqqa, toffri tliet livelli differenti ta’ sfidi – dak faċli, medju u diffiċli.
“Mindu kien hawn il-COVID, kien hemm problema kbira ta’ nies biex jikkomunikaw ma’ ħaddieħor u jiena, b’mod personali, inħobb nara ħafna public dares fuq l-internet u ġietni l-idea li nagħmel xi ħaġa bħalhom.”
Zach Schembri, Student
Dawn il-kumpaniji, flimkien ma’ oħrajn se jkunu preżenti f’Marketplace nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu, bejn l-10:00 ta’ filgħodu u t-3:00 ta’ waranofsinhar barra l-binja tal-Parlament.