Fatt ieħor ixejjen u jerġa’ jġib fix-xejn l-argumenti tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista meta tgħid li ż-żgħażagħ qed jitilqu minn Malta. Anzi r-realtà hi kompletament bil-kontra.
Factcheck tat-Times ippubblikat fil-ħarġa tal-Ħamis jgħid li, fil-fatt, iż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u d-29 sena aktar qed jirritornaw milli jħallu pajjiżna.
Kollox kontra l-ispin u l-gidba li tipprova timmonta l-Oppożizzjoni hekk kif jingħad li, fl-2022 u fl-2023, kien hemm aktar minn 400 żagħżugħ li rritornaw f’art twelidhom milli marru jgħixu barra.
Il-factcheck fuq paġna sħiħa tat-Times jgħid ukoll li statistika uffiċjali turi li, mill-2018 ’il hawn, kollox juri li t-tendenza ta’ qabel inbidlet ta’ taħt fuq, b’aktar nies minn kull kategorija ta’ età jirritornaw lura milli jitilqu.
Skont l-NSO, fuq medda ta’ għaxar snin, l-għadd ta’ Maltin li emigraw naqas drastikament, tant li jekk fl-2012 kien hemm 2,300 Malti li telqu jgħixu barra, fl-2022 l-ammont kien mat-tliet darbiet inqas.
Dan anke jekk il-popolazzjoni żdiedet minn dakinhar.
B’mod iżjed speċifiku, turi li fl-2022 kien hemm 194 Malti ta’ bejn il-15 u d-29 sena li emigraw, mal-erba’ darbiet inqas mit-828 li kien hemm f’din il-faxxa ta’ età fl-2012, l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista.
Dan ifisser li fl-2012, taħt GonziPN, kienu emigraw erba’ żgħażagħ għal kull żagħżugħ li emigra fl-2022.