Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li tul is-sena d-dieħla aktar toroq arterjali, residenzjali u rurali f’Għawdex se jkunu qed jinbnew mill-ġdid. Se jkun qed isir ukoll xogħol ta’ ta’ restawr ta’ statwi u niċeċ li jinsabu mxerrda mal-pajsaġġ Għawdxi kollu.
Se jkun qed jiġu installati mosaic murals fiż-żoni turistiċi u se jsir xogħol infrastrutturali fl-inħawi tal-Blue Lagoon f’Kemmuna.
Se jkun qed jitkompla l-proġett ta’ smart parking ġewwa aktar spazji u parkeġġi madwar il-gżira Għawdxija. Se jitkompla wkoll ix-xogħol fuq il-bini taċ-Ċentru Akkwatiku fil-padiljun sportiv. Se ssir ukoll titjib fl-infrastruttura teknika tal-korsa taż-żwiemel f’Tax-Xħajma.
Se jkun qed jiġi aġġornat ukoll il-Master Plan għall-għaddasa. Se jkunu qed isiru wkoll l-istudji meħtieġa biex jiġi implimentat il-Mużew kulturali taħt il-baħar.
F’Għawdex se jitkompla wkoll ix-xogħol fuq id-dar tal-anzjani San Ġużepp f’Għajnsielem. Fil-proġett Eko-Għawdex se jinagħta bidu għall-ewwel fażi ta’ proġett pilota għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-islurry tal-baqar u materjal organiku.
Il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer se tkompli titjieb bil-proġett tal-Fast Ferry. Fir-rigward tar-raba’ vapur, se jkun qed jiġi assigurat li dan is-servizz issa jsir fuq bażi permanenti. Dan issa se jkun kkumplimentat ukoll bl-introduzzjoni tas-servizz ġdid tal-linja X300.
Fir-rigward tal-mina, l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li issa tlesta l-pre qualification questionnaire li huwa l-ewwel stadju minn proċess li għandu jwassal biex jintagħżel il-konċessjonarju li se jiddisinja, jibni, jiffinanzja u jopera l-mina.