F’għeluq is-sena mit-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, il-Gvern ħabbar investiment ta’ €1.7 miljun f’xogħlijiet ta’ restawr fil-Knisja u l-Kulleġġ tal-Ġiżwiti.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’din il-Knisja intqal kif dan l-investiment se jiżdied ma’ madwar €2.8 miljun oħra li diġà ġew investiti mill-2015 sal-lum.
Dan biex din il-ġawhra patrimonjali tirritorna għall-istat glorjuż tagħha u tkompli titgawda mill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Fil-fatt, il-Knisja kienet inbniet bejn l-1593 u l-1609 mill-Ordni tal-Ġiżwiti u fiha xogħlijiet ta’ arti ta’ Mattia Preti, Giovanni Battista Caracciolo, Stefano Erardi u Alessio Erardi, fost oħrajn, u l-artal titulari huwa magħmul minn Filippo Paladini.
Il-kumpless jinkludi żewġ oratorji, wieħed magħruf bħala l-Onorati u l-ieħor bħala l-Immakulata Kunċizzjoni.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet attenda l-Perit Mark Azzopardi li taħt il-gwida tiegħu qed isiru x-xogħlijiet mid-Direttorat tar-Restawr.
Huwa spjega x-xogħlijiet li bdew saħansitra fl-2015 fejn ġie restawrat il-bejt tal-Knisja, il-koppla, il-kupletti ta’ fuq il-kappelli u l-kampnar.
Ix-xogħlijiet tkomplew bir-restawr tal-faċċati tal-Knisja u bit-tiswija fis-saqaf tal-injam ta’ fuq l-Oratorju tal-Onorati. Saru wkoll xogħlijiet ta’ restawr u pavimentar fil-bitħa tal-kulleġġ, illum il-Valletta Campus tal-Università ta’ Malta, u l-faċċati esterni fi Triq il-Merkanti, fi Triq San San Kristofru u fi Triq San Pawl.
Qal, “Issa bdejna naħdmu ftit fuq ġewwa fis-sagristrija u fl-oratorju tal-Kunċizzjoni u sar xogħol ta’ tindif, passati taż-żebgħa ġew analizzati, dawk riċenti tneħħew, ħriġna ftit mill-passati oriġinali, sar tiswija fil-ġebel, sar tiswija fl-injam u għadna għaddejjin kif tistgħu taraw għad fadal xogħlijiet oħrajn, sew fl-oratorju u fis-sagristija.”
Intant ladarba jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-ħitan u s-saqaf, ikun jista’ jibda r-restawr tal-artal.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, li huwa wkoll membru fil-fondazzjoni tenna kif dan ix-xogħol jixhed il-koperazzjoni sħiħa li hemm bejn il-Knisja u l-Gvern biex din il-ġawhra fil-Belt Valletta eventwalment tinfetaħ għall-pubbliku bħalma hu l-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Fondazzjoni Dr David Camilleri sostna illi la jitlesta r-restawr estensiv li għaddej bħalissa, se jżid l-għarfien ta’ dan il-monument fil-Belt; biex jokkupa post importanti fix-xena kulturali u turistika.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li l-Gvern flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Malta qed jikkommettu ħidma sabiex tibqa’ tiġi ssalvagwardjata l-Knisja u l-artifatti interni.
Stqarr, “Qed ninvestu, apparti l-flus li diġà investejna fis-snin li għaddew, pakkett ta’ €1.7 miljun ħalli nkomplu nkabbru s-sbuħija li fiha din il-knisja u tkompli ssir attrazzjoni turistika tal-aqwa livell waqt li nilqgħu fiha attivitajiet kulturali bħal-kunċerti, mużika, attivitajiet oħrajn dekorużi li jkomplu jagħtu ġieh li dan il-wirt patrimonjali tant sabiħ li għandna fil-Belt Valletta.”