Il-pubbliku se jkun jista’ jesplora s-snin bikrin u l-iżvilupp tal-istorja ta’ Malta meta nhar il-Ħadd 8 t’April Heritage Malta se tkun qed tiftaħ b’xejn il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt.
Dan il-mużew jinsab fil-Berġa ta’ Provenza u jospita artefatti spettakolari li jmorru lura mill-perjodu Neolitiku sal-perjodu tal-Feniċi. Minbarra għodda li kienet tintuża fost l-ewwel abitanti fil-preistorja u artefatti oħrajn li jitfgħu dawl fuq il-ħajja ta’ kuljum f’dawk iż-żmenijiet, fost l-esebiti li jispikkaw hemm il-‘Mara r-Rieqda’ li nstabet fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, ‘il-Venere ta’ Malta’ li nstabet f’Ħaġar Qim, l-istalletti tal-bronż skoperti fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien, il-pendent ‘Hours and Anubis’ u l-‘anthropomorphic sarcophagus’, li t-tnejn imorru lura għall-perjodu tal-Feniċi.
Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunitá wkoll iżuru l-wirja tal-kollezzjoni nazzjonali tal-flus u midalji, li ġiet inawgurata riċentament, kif ukoll jara l-wirja temporanja bir-riżultati l-ġodda tar-riċerka u l-istudji dwar il-preistorja tal-Proġett FRAGSUS. Il-viżitatur jista’ jammira wkoll il-Gran Salon, li tispikka minħabba l-ħitan dekorattivi u s-saqaf tal-injam, u li bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr fuqha.
Matul il-ġurnata se jsiru wkoll żewġ żjarat bi gwida għal numru limitat ta’ 50 persuna, wieħed fil-11.00am u l-ieħor fis-2.00pm. Il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija jiftaħ bejn id-9.00am u s-6.00pm, bl-aħħar dħul ikun fil-5.30pm
Għal iktar tagħrif żuru l-website ta’ Heritage Malta, www.heritagemalta.org kif ukoll il-paġna uffiċjali tal-aġenzija fuq facebook.