Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fl-Awtorità tal-Artijiet hekk kif nhar it-Tnejn li ġej se jiġi ppreżentat fil-Parlament l-ewwel rapport annwali tal-verifika li sar mill-Uffiċjal Kap tal-Verifika, li nħatret f’Awissu tal-2017.
Il-Ministru Borg fetaħ din il-konferenza billi saħaq fuq il-prinċipju fundamentali li qiegħed jiggwida l-ħidma tal-ministeru u tal-Awtorità tal-Artijiet – il-prinċipju li għandna namministraw l-art u l-proprjetà tal-poplu Malti u Għawdxi bl-akbar responsabbiltà. Huwa qal li dan huwa possibbli biss jekk din il-ħidma ssir bi trasparenza, u saħaq li għalkemm ġejna kkritikati li ddaħħlet forma ġdida ta’ burokrazija, dan ma jfissirx li m’għandux ikun hemm iċ-checks and balances neċessarji.Huwa qal li għall-ewwel darba fl-istorja tal-awtorità, inkluż fiż-żmien li għamlet bħala dipartiment, daħlet fis-seħħ il-prattika ta’ awditur intern, li tkun tista’ tosserva l-operat ta’ kuljum tal-awtorità, filwaqt li tanalizza bi skrutinju kull każ li jkollu valur ta’ aktar minn €100,000. L-iskrutinju tal-awditur huwa disponibbli wkoll għal ilmenti li jiġu mill-pubbliku ġenerali.
Il-Ministru Borg fakkar ukoll il-bidliet li saru fil-board, fejn illum hemm għaxar individwi, inkluż rappreżentant tal-Gvern u ieħor tal-Oppożizzjoni, li jiddiskutu każ każ, sabiex ikun hemm aktar verifiki u aktar trasparenza. Huwa qal li l-ministeru qed jieħu l-passi neċessarji biex ċerti żbalji li saru fil-passat ma jerġgħux isiru u fil-fatt, il-prattiċi ta’ qabel qegħdin jiġu kkoreġuti b’dawn l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu favur aktar trasparenza u kontabilità.Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius tkellem dwar dak kollu li nkiseb matul din is-sena fl-Awtorità tal-Artijiet. Huwa spjega kif id-diġitalizzazzjoni tal-applikazzjonijiet u t-tisħiħ tar-riżorsi umani wassal sabiex in-numru ta’ klijenti li nqdew din is-sena żdied b’mod konsiderevoli fuq dak tas-sena l-oħra. Huwa saħaq ukoll dwar l-importanza tat-trasparenza u l-kontabilità, u qal li dawn il-miżuri li qegħdin jittieħdu – bħall-fatt li ġiet appuntata Uffiċjal Kap tal-Verifika – qegħdin itejbu l-kundizzjonijiet għal dawn iż-żewġ prinċipji. Madankollu, saħaq is-Segretarju Parlamentari, ma jfissirx li x-xogħol jieqaf hawn, anzi, l-awtorità trid tħabrek iżjed sabiex issostni l-pass li qabdet u tkompli żżidu, waqt li tkompli tfassal xogħolha fuq il-prinċipji tat-trasparenza, tal-kontabilità u tal-effiċjenza.
Ingħatat ukoll preżentazzjoni mill-Kap Eżekuttiv Carlo Mifsud, li spjega l-irwol tal-awditur interna, li xogħolha huwa li tkun oġġettiva fil-verifiki tagħha hekk kif tkun qiegħda tirrevedi diversi aspetti tal-awtorità, kemm dawk li huma proċeduri kif ukoll dawk li huma każijiet speċifiċi. Iċ-Chairman tal-Board l-Imħallef Emeritus Lino Farrugia Sacco tkellem dwar l-irwol tal-board u dwar ix-xogħol li qiegħda tagħmel ta’ kull ġimgħa, fejn il-membri jiltaqgħu għal bosta sigħat sabiex jingħalqu każijiet li ilhom miftuħin għal snin twal. Huwa spjega li l-miżura relatata mal-mod kif inhi magħmula l-board illum tiżgura li jinstemgħu l-perspettivi kemm tal-Gvern, kemm tal-Oppożizzjoni, kif ukoll tal-membri indipendenti biex b’hekk jittieħdu deċiżjonijet oġġettivi.