Hemm bżonn ta’ aktar trasparenza fil-prezzijiet tal-mediċini.
Dan kien l-appell tad-deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza organizzata minn Politico fl-Olanda fejn sejjaħ għal azzjoni mill-Unjoni Ewropea.
Dan biex tiżdied l-aċċessabilità għall-pazjenti għal mediċini innovattivi madwar l-Ewropa.
Il-bżonn ta’ trasparenza joħroġ mill-fatt li l-mediċini ġodda huma ta’ detriment għas-sostenibbilità tas-sistemi tas-saħħa fil-pajjiżi żviluppati minħabba l-prezzijiet għoljin tagħhom; b’dannu għall-pazjenti.
Il-Ministru Fearne elenka x-xogħol li qed isir mill-Valletta Group, grupp ta’ għaxar pajjiżi mwaqqaf bil-ħsieb ta’ koperazzjoni għal aktar trasparenza fil-prezzijiet.
Qal li dan il-grupp qed jesplora metodi ta’ koperazzjoni fuq programmar u pjanar li jwasslu għal aktar informazzjoni fuq mediċini li jkunu għadhom qed jiġu żviluppati.
Id-deputat Prim Ministru ħabbar li Malta se tkun qed taħdem ma’ presidenzi futuri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex it-trasparenza fil-prezzijiet u r-reżistenza tal-mikrobi għall-antibijotiċi tkun prijorità fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea.
Semma wkoll inċentivi li jingħataw lill-industrija biex taħseb għal bżonnijiet futuri u għal aċċess aktar faċli għall-mediċini.