It-tkabbir ekonomiku bla preċedent li qed igawdi minnu l-poplu Malti u Għawdxi mistenni jkompli fix-xhur u s-snin li ġejjin. Dan filwaqt li r-rata tad-defiċit u d-dejn nazzjonali se jkomplu jonqsu għall-aktar livelli baxxi f’bosta snin.
Dan jirriżulta mir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, li għal darb’oħra kkonferma li pajjiżna jinsab fid-direzzjoni t-tajba.
Ir-rapport iħares lejn l-andament ekonomiku fl-2015. Sena li matulha d-defiċit kompla nieżel għal wieħed 1.6%.
Fl-2013, il-Gvern wiret defiċit li kien ilaħħaq l-4%, bil-Kummissjoni Ewropea tpoġġi lil pajjiżna taħt il-proċedura tad-defiċit eċċessiv għaliex ma kinitx konvinta bil-prestazzjoni finanzjarja tal-Gvern preċedenti.
Iżda kif jikkonferma l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Josef Bonnici, Malta issa bidlet id-direzzjoni u qed tirreġistra tnaqqis sostenibbli.
Fattur importanti nnutat fir-rapport huwa li l-qagħda finanzjarja kompliet titjieb waqt li l-Gvern naqqas it-taxxi għal kulħadd. Fil-fatt, jirriżulta li matul l-2015, il-Gvern żied id-dħul tiegħu b’aktar minn €200 miljun.
Waqt li semma t-turiżmu u s-servizzi finanzjarji bħala eżempji li brillaw, il-Professur Bonnici elenka t-tnaqqis fil-qgħad u l-investiment li attira dan il-Gvern bħala elementi kruċjali li se jġibu aktar tkabbir. Wara t-tkabbir ekonomiku bla preċedent ta’ 6.3%, il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed ibassar li matul is-sena d-dieħla, l-ekonomija tkompli tikber b’5%. Erbgħa darbiet aktar mit-tkabbir imbassar għaż-żona ewro.
Dan f’ċertifikat ieħor indipendenti għas-suċċess tal-Gvern, u l-għaqal fit-tmexxija.