Min-nhar it-Tnejn li ġej il-ġenituri se jkunu jistgħu jirreġistraw it-twelid tal-wild mingħajr l-bżonn li jmorru direttament fl-uffiċċju ta’ ‘Identity Malta’.
Wieħed mill-ġenituri, jew it-tnejn f’każ li t-tarbija tkun twieldet barra ż-żwieġ, għandhom jinnotifikaw il-wild tagħhom mar-Reġistru Pubbliku permezz ta’ email, fejn rappreżentanti ta’ ‘Identity Malta’ jkunu jistgħu jigwidawhom aħjar skont il-każ tagħhom.
Il-ġenituri huma mitluba jibagħtu d-dokumenti neċessarji, permezz ta’ posta reġistrata u indirizzata lill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku, Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta.
L-Att tat-twelid imbagħad jintbagħat lura lil ġenituri biex dawn jikkonfermaw id-dettalji u jiffirmawh. Dan imbgħad jintbagħat lura u l-ġenituri ikunu infurmati li r-reġistrazzjoni hija kompluta u ċ-Ċertifikat tat-twelid ikun jista’ jiġi ordnat mis-sit www.ċertifikati.gov.mt.
Din hija waħda mill-miżuri l-ġodda li ‘Identity Malta’ se tkun qed tieħu fid-dawl tal-aħħar żviluppi tal-Coronavirus.
Ir-reġistrazzjoni tal-imwiet ukoll ser tkun tista’ ssir permezz ta’ proċess simili.
Ir-refuġjati u persuni li jgawdu minn protezzjoni sussidjara jew protezzjoni temporanja fuq bażi umanitarja, u għandhom bżonn iġeddu l-permess ta’ residenza tagħhom, għandhom jibagħatu l-formola u d-dokumentazzjoni meħtieġa permezz ta’ email.
It-taqsima tal-Visa wkoll ser tkun qed tara biss lil dawk li jkollhom appuntament bejn it-tmienja u l-ħdax ta’ filgħodu. Dan filwaqt li studenti barranin li qed jistudjaw l-Ingliż f’pajjiżna wkoll jistgħu jirregolaw il-preżenza tagħhom f’pajjiżna online.
B’mod temporanju mhux ser ikunu qed isiru iżjed intervisti relatati m’applikazzjoni fuq bażi ta’ żwieġ.
Is-Segretarju Parlamentari, Alex Muscat sostna li l-Aġenzija ‘Identity Malt’a qed taħdem sabiex ikunu imnedija iżjed pjattaformi online għal iktar aċċessibiltà u simplifikazzjoni tas-servizzi offruti.